Lokali

Taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, il-PN kiseb riżultat storiku fl-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali

Il-KKLPN jesprimi l-apprezzament tiegħu lill-Kap tal-PN għall-appoġġ li ta lill-kunsillieri lokali tal-PN fl-aħħar ħames snin

Il-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) jixtieq juri l-apprezzament tiegħu lil Bernard Grech, hekk kif fil-jiem li għaddew hu ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, kariga li okkupa għal dawn l-aħħar ħames snin.

Il-KKLPN jifhem li l-ħajja pubblika f’dan il-livell diġà minnha nfisha toffri sfidi u sagrifiċċji kbar. Apparti dan, Bernard Grech daħal fit-tmexxija tal-Partit f’mument partikolari għall-PN u għal Malta. Huwa daħal għal din il-kariga b’impenn u dedikazzjoni kbira u taħt it-tmexxija tiegħu l-Partit Nazzjonalista għamel għadd ta’ kisbiet għal Malta.

Bħala kunsillieri lokali eletti min-nies fil-lokalitajiet rispettivi tagħna, ninsabu sodisfatti u grati b’mod partikolari għall-ħidma li saret minn Bernard Grech fl-elezzjonijiet lokali tal-2024 fejn il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija tiegħu rebaħ maġġoranzi ġodda, żied l-għadd tal-voti kważi f’kull lokalità, u naqqas id-distakk minn mal-Partit Laburista b’mod konsiderevoli.

Fi stqarrija, Liam Sciberras, il-President tal-KKLPN; qal li bla dubju ta’ xejn, dan ipoġġina f’pożizzjoni tajba ħafna biex nissoktaw bil-ħidma tagħna b’risq il-poplu Malti u Għawdxi, liema ħidma hi importanti aktar minn qatt qabel fid-dawl ta’ Gvern li ma jiddejjaq xejn jgħaddi romblu minn fuq il-kunsilli lokali billi jiċċentralizza dejjem aktar il-poter f’idejh u billi jġib lill-kunsilli lokali dipendenti fuqu.

Bernard Grech dejjem irrikonoxxa l-impenn tagħna l-kunsillieri f’dan ir-rigward u ta’ dan il-KKLPN jinsab grat. Minn qalbna nawguraw kull suċċess lil Bernard Grech fil-passi li jmiss f’dan il-kapitlu ġdid għalih u fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.