Raġel ta’ 49 sena ġie kundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li kkorrompa tifel ta’ 14-il sena u pparteċipa f’attivitajiet sesswali miegħu. Il-każ seħħ bejn Ottubru tal-2016, u Jannar tal-2017. Fil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irriżulta li l-akkużat, kien vittma hu stess ta’ abbuż sesswali meta kien għadu minuri.
Sigarett wassal biex jinkixef il-każ fejn il-vittma kien inqabad ipejjep l-iskola u meta staqsewh minn fejn ġab is-sigaretti hu kien semma’ lill-akkużat. Minn hemm, it-tifel, fetaħ qalbu dwar dak li kien għadda minnu.
It-tmexxija tal-iskola kienet tkellmet m’omm it-tifel u minn hemm sar rapport lill-Pulizija. Sar magħruf li t-tifel kien jaf lill-akkużat permezz t’ommu għax kienu jaħdmu flimkien fil-qasam tar-reċtar. Mal-Pulizija, it-tifel qal li kien ġie abbużat mill-akkużat.
Irriżulta wkoll kif l-akkużat kien jgħidlu jmur jorqod għandu. Għalkemm ommu ma kinitx tkun trid, it-tifel kien jibqa’ jsostni biex imur u hi kienet iċċedi. It-tifel, qal li minkejja l-akkużat kellu aktar minn kamra tas-sodda waħda, l-akkużat kien ikun iridu miegħu fis-sodda.
Tenna li fis-sodda l-akkużat kien iħokk il-parti privata tiegħu miegħu. Minkejja dan, it-tifel qal li l-akkużat qatt ma ppenetrah. Il-Qorti semgħet kif meta kien ikun għandu kienu jaraw il-pornografija u jimmasturbaw flimkien.
It-tifel qal li l-akkużat prova jwettaq sess orali miegħu ħames darbiet u li darba minnhom għamel sess orali fuqu iżda mbuttah. Minkejja kollox, it-tifel baqa’ jiltaqa’ miegħu għax kien jixtrilu xi affarijiet u jieħdu dawra bil-karozza.
L-akkużat qal lill-Pulizija li darba rah jimmasturba u għalhekk poġġa ħdejh u kompla miegħu. Qal li bħala ċajta kien gidem il-parti privata tal-minuri u kien qallu biex ineħħi s-suf tal-warrani għall-iġene. Il-pulizija qalet li l-akkużat ikkopera mal-ewwel u li l-fatt li kien abbużat fi tfulitu jista’ jkun li wassluh biex jagħmel dawn ir-reati.
Meta ġiet għall-piena, il-Qorti, qieset li ammetta l-akkużi iżda li qatt ma indirizza t-trawma li għadda minnha fi tfulitu u qatt ma ħadem fuqu nnifsu. Sostniet li mhux konvinta li ma jistax jerġa’ jagħmel l-istess fuq ħaddieħor. Hija rat li bejn l-akkużat u l-vittma hemm mat-tletin sena differenza.
Waqt li bagħtitu tliet snin ħabs hija ħeġġietu biex jindirizza t-trawma tiegħu biex ma jerġax jirrivittimizza lil ħaddieħor. Mal-piena ta’ ħabs, il-Qorti ħarġet ordni ta’ tratttament għal ħames snin u ordni ta’ trażżin għal tliet snin.
Waqt li poġġietu fuq ir-reġistru tal-pedofli, ordnatlu biex ma jagħmilx xogħol li jinvolvi minuri. Ordnatlu wkoll iħallas €2,500 fi spejjeż tal-Qorti.
//= $special ?>