Lokali Qorti

Żvolta fil-ġuri tal-qtil doppju f’Tas-Sliema: L-avukat Mifsud jirrinunzja l-patronċinju u jiftaħ kawża Kostituzzjonali

Fit-tieni jum tal-ġuri dwar il-qtil ta’ Christian Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, li seħħ f’Awwissu ta’ ħames snin ilu f’Tas-Sliema, seħħet żvolta hekk kif l-Avukat Mario Mifsud irrinunzja l-patronċinju tal-akkużat Daniel Muka, u ppreżenta kawża kostituzzjonali fejn qed jgħid li d-drittijiet tal-klijent tiegħu qed jiġi miksura.

Muka ta’ 30 sena flimkien ma’ Viktor Dragomanski ta’ 41 sena mill-Maċedonja ta’ Fuq, qed jiġu akkużat b’rabta mal-qtil tal-koppja li seħħ fi Triq Locker. Muka qed jgħid li huwa jrid avukat tal-fiduċja tiegħu fejn alluda għall-Avukat Mario Mifsud u qal li ma jridx lill-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana, tiddeffendih.

Fil-bidu tal-ġuri t-Tlieta, l-Imħallef Natasha Galea Sciberras ħalliet lil Daniel Muka jidħol lura fl-awla 22 fejn qed isir il-ġuri wara li t-Tnejn minħabba ordni ta’ sigurtà ordnat li jinżamm f’kamra oħra minn fejn isegwi kollox b’monitor. Il-Qorti t-Tlieta filgħodu informat lil Muka li se jkun qed jitħalla jidħol fl-awla sakemm l-imġiba tiegħu tkun denja ta’ akkużat fil-Qorti.

L-Imħallef Galea Sciberras wissietu li jekk ma jġibx ruħu sew jitneħħa immedjatament mill-awla u jerġa’ jintbagħat fejn kien. Sadanittant, l-Imħallef talbet lid-Direttur tal-Ħabs Chris Siegersma biex jixhed minħabba xi imġiba ta’ Daniel Muka filgħodu stess fil-ħabs, qabel ma ttieħed il-Qorti.

Chris Siegersma minn fuq il-pedana tax-xhieda, qal li Muka irrifjuta li jattendi l-Qorti fejn qal li m’għandux avukat u li hu jixtieq li jsegwi l-proċeduri mill-ħabs u jsegwi s-sessjonijiet minn hemm. Ix-xhud tenna li lil Muka qalulu li jrid bilfors imur il-Qorti.

Muka hedded li kien se jikkawża kaos sħiħ jekk imur il-Qorti, imma eventwalment inġieb bla problemi. L-avukat Mario Mifsud li nhar il-Ħamis tqabbad minn Daniel Muka biex jiddefendih minħabba li sa ftit ilu Muka kellu l-avukat tal-għajnuna legali Josette Sultana, u li ma riedx li hija tkompli tidher għalih – kien hawn li nfetaħ każ Kostituzzjonali minħabba li Mifsud ma kellux biżżejjed ħin biex jippreprara d-difiża tiegħu.

Għaldaqsant talab li l-ġuri jiġi sospiż imqar bi ftit sigħat. L-Avukat Maria Francesca Spiteri, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal din it-talba. L-Imħallef Galea Sciberras qalet li wara li l-Qorti semgħet it-talba tad-difiza, ċaħdet din it-talba.

Kien hawn li l-Avukat Mario Mifud irrinunzja milli jkompli jipparteċipa fil-ġuri. Hawn l-akkużat Daniel Muka qal lill-Qorti li huwa dritt sagrosant tiegħu li jagħżel l-avukat ta’ fiduċja tiegħu. “Ma tistax tissospendi għal ftit sigħat? Huwa d-dritt tiegħi li nipprepara difiża. Issa? Mingħajr avukat għal darb’oħra?”, staqsa Muka.

L-Imħallef qalet lil Muka li għandu avukat, li hija Josette Sultana. Hawn Muka infexx jgħajjat u jgħid; “ma rridhiex hawn. Mhux qed tipprovdili d-drittijiet umani. Qas ftit sigħat ma tajtni”. L-Imħallef mill-ewwel ordnat li Muka jerġa’ joħroġ mill-Qorti. Muka ma qagħadx lura u reġa’ beda jgħajjat u nstema’ jgħid, “dan huwa ksur tad-drttijiet umani tiegħi”.

Hawn huwa nħareġ mill-awla. Is-saga kompliet fejn kien hemm ċerti kummenti mill-partijiet li l-Qorti ordnat li dawn ma jiġux imxandra fuq il-mezzi tal-midja. Il-każ Kostituzzjonali jinkludi wkoll ‘interem measure’ (miżura temporanja). Muka qed jisħaq li jrid lil Mario Mifsud bħala l-avukat tiegħu.

Wara dak il-paniku kollu l-Imħallef bdiet l-indirizz tal-bidu lill-ġurati fejn spjegat ir-responsabbilità li għandhom bħala ġurati. Tispjega wkoll li Daniel Muka mhuwiex fl-awla imma f’kamra qrib u li huma għandhom jiddeċiedu biss fuq il-provi.

Wara li temmet l-indirizz tagħha lill-ġurati, bdiet l-indirizz tagħha l-Avukat Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Hija qalet li l-ġurati ssejjħu biex jassiguraw li l-ġustizzja sseħħ kemm fil-konfront ta’ Daniel Muka, Viktor Dragomanski u l-vittmi.

L-Ispettur Colin Sheldon l-ewwel xhud fil-ġuri

L-Ispettur Colin Sheldon jiġi msejjaħ bħala l-ewwel xhud f’dan il-ġuri.Fuq domandi tal-prosekutur Kevin Valletta huwa spjega x’seħħ dakinhar. Tenna li nzerta ‘on call’ u ftit qabel 23:00 rċieva telefonata minn Surġent tal-pulizija li qaltlu li kien hemm bzonn l-assistenza tiegħu għax kienu nqatlu żewġ persuni fi Triq Locker Tas-Sliema.

L-Ispettur Sheldon qal li f’temp ta’ 10 minuti kien hemm u sab li t-triq kienet magħluqa biex ma jgħaddux in-nies. Kien raġel li ċempel l-għassa ta’ Tas-Sliema qalet li tgħix fi Triq Locker u semgħet ġlied u tiri ta’ arma tan-nar.

Ix-xhud qal li r-raġel li għamel it-telefonata qal li kien raha tliet persuni, tnejn lebsin lbies skur u ieħor ilbies ċar. Qal li tnejn kienu rqaq u wieħed ftit mibrum. L-Ispettur Sheldon tenna li daħlet telefonata oħra fl-għassa Tas-Sliema ta’ xi ħadd li fit-triq sema’ ġlied u tiri ta’ arma tan-nar.

It-tnejn li huma qalu li raw tliet persuni jaħarbu minn fuq il-post b’karozza SUV u wieħed minnhom ġab ukoll in-numru tal-pjanċi. Is-Surġent li marret fuq il-post kienet anke talbet l-assistenza tal-RIU. Qal li fuq il-post meta marru l-pulizija kien hemm Maria Paula Pandolfino, oħt wieħed mill-vittmi, li l-għada kienet se terġa titlaq minn Malta u dakinhar filgħaxija kienu qed jieklu bħala familja f’lukanda Tas-Sliema.

Qalet li l-vittma l-ieħor Ivor ma attenndiex u spjegat li Chris telaq qabilhom, saq bil-‘quad bike’ sad-dar u hi kienet miexja lura d-dar ta’ ħuha bit-tfal. Hi tat permess lill-uffiċjali tal-RIU biex jiftħu l-bieb. Malli nfteaħ il-bieb kien evidenti li wieħed mill-vittmi kien wiċċu ‘l isfel metru biss il bogħod mill-bieb f’għadira demm u bi ġrieħi ta’ arma tan-nar.

Sheldon sostna li dan kellu ammont kbir ta’ deheb fuqu iżda kien ċar li xi deheb kien insteraq. Dan kien Chris Pandolfino. L-Ispettur kompla jgħid li d-dar kienet fuq tliet sulari u l-persuna l-oħra nstabet ħdejn it-taraġ tal-ewwel sular. Il-vittma kien Ivor Macievoski li nqatel b’tir wieħed u li huj kien wiċċu ‘l fuq.

Ix-xhud qal li l-Pulizija raw li ma kienx hemm uffiċjali oħra fid-dar u għalqu t-triq għat-traffiku. Fuq il-post kien hemm żewġ tobba – Jonathan Joslin u Michael Spiteri minn Mater Dei li ċċertifikaw lit-tnejn mejta. Pandolfino kien intlaqat minn ħames tiri ta’ arma tan-nar u Ivor Macievoski minn tir wieħed.

L-Ispettur Sheldon qal lill-Qorti li kien informa lill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ordna inkjesta maġisterjali. Kompla jgħid li l-uffiċjali tal-forensika damu seba’ sigħat jiġbru l-evidenza minn fuq il-post. Tgenna li fl-20 ta’ Awwissu 2020 informa lil ħu Christian, Joseph Pandolfino u lill-oħtu, Maria Paula Pandolfino, biex jattendu seduta l-qorti.

Sostna li ġimgħa wara saret seduta oħra fejn ġar ta’ Pandolfino li kien ċempel 112 iddeskriva dak li ra dakinhar. Qal li sema’ sitt tiri ta’ arma tan-nar, ġlied u li kien ra tliet suspettati. Qal ukoll li wieħed minnhom kellu ‘handbag’ taħt idejh u li rahom jaħarbu f’SUV bajda.

L-IspetturSheldon kompla jgħid li z-ziju ta’ Christian Pandolfino li jgħix faċċata tiegħu xehed ukoll u qal li sema’ tiri ta’ arma tan-nar u hu wkoll ra tliet persuni jitilqu f’SUV bajda. Sheldon qal li persuna oħra tat xhieda u din kienet ċemplet l-għassa tal-pulizija tgħid li kien fuq il-bejt qed ipejjep u ra lill-persuni ħerġin mill-karozza u jimxu lejn id-dar ta’ Pandolfino.

Dan qal ukoll li wieħed minnhom kien liebes parrokka. Spjega li nfetaħ il-bieb u daħlu żewġ persuni fid-dar. Qal li dawn damu biss erba’ minuti fir-residenza u telqu kollha flimkien. Sheldon li kien xehed ukoll fil-kumpilazzjoni tat-tliet irġiel akkużati ( u li eventwalment wieħed ammetta) qal li Daniel Muka ġie interrogat u għamel stqarrija awdoviziva u tressaq taħt arrest fit-27 ta’ Awwissu 2020.

Qal li matul l-istqarrija tiegħu Muka qal li ż-żewġ persuni l-oħra kienu wieħed Serb jew Maċedonjan u qal biss lill-Pulizija li jismu Viktor u l-ieħor qal li kien Daniż jew Żvediż bl-isem ta’ Jesper. Muka ikkonferma wkoll in-numru tal-mobile ta’ Jesper.

Sheldon kompla jgħid li l-SUV kienet misruqa u l-pjanċi kienu misruqin minn karozza oħra. Saħaq li nħareġ mandat t’arrest fil-konfront ta’ Viktor Dragomanski li nstab li kien fl-lukanda l-Gzira. Meta l-pulizija marru hemm Dragomanski prova jaħrab mit-tieqa imma l-pulizija kienu ċċirkondaw il-lukanda u ġie arrestat u meħud il-kwartieri ġenerali tal-pulizija fejn għamel staqrrija u qal li kien ma’ Muka u ma’ Jesper Christiansen.

Ix-xhud qal li Dragomanski tressaq fit-28 ta’ Awwissu 2020 u l-pulizija talbet mandat ta’ arrest ieħor għal Christiansen. Qal li mill-investigazzjonijiet nstab li dan kien jgħix il-Gżira imma ċaqlaq lejn indirizz mhux magħruf.

Il-pulizija hawn intraċċat ħabib ta’ Christansen u meta kellmitu dwaru qal li dan kien qed jgħix mat-tfajla tiegħu f’Tas-Sliema. Il-pulizija marru hemm u sabu lit-tfajla qaltilhom li iktar kmieni dakinhar stess kien telaq lejn Barcellona.

Sheldon qal li nħareġ mandat t’arrest Ewropew għalih u ġie arrestat u nġieb Malta fit-19 ta’ Novembru 2020. Christiansen ammetta l-akkuzi miġjubin kontrih u ġie kundannat 40 sena ħabs. Hu xehed taħt ġurament u meta kien mistoqsi dwar il-qtil doppju ta l-informazzjoni kollha.

Iż-żewġt irġiel kienu nqatlu b’tiri fid-dar tagħhom, fit-18 ta’ Awwissu, 2020. Muka qed jiffaċċja 10 kapi ta’ akkuża filwaqt li Dragomanski qed jiġi akkużat bi tliet kapi ta’ akkuża li jinkludu l-kompliċità fil-qtil taż-żewġt irġiel.

Pandolfino kien instab fejn il-bieb tar-residenza b’erba’ balal f’sidru, f’għonqu u f’rasu filwaqt li Maciejowski nstab fis-sular ta’ fuq b’balla waħda f’rasu. Filmati tas-CCTV kienu qabdu tliet irġiel jidħlu fir-residenza fil-ħin tad-delitt u aktar tard jaħarbu b’vettura bajda. Il-filmati żvelaw ukoll li Pandolfino kien daħal fid-dar ftit tal-ħin qabel is-suspettati, u Maciejowski kien diġà ġewwa.

Muka qed jiffaċċja 10 kapi ta’ akkuża filwaqt li Dragomanski qed jiġi akkużat bi tliet kapi ta’ akkuża li jinkludu l-kompliċità fil-qtil taż-żewġt irġiel. Pandolfino kien instab fejn il-bieb tar-residenza b’erba’ balal f’sidru, f’għonqu u f’rasu filwaqt li Maciejowski nstab fis-sular ta’ fuq b’balla waħda f’rasu.

Daniel Muka kien ġie arrestat bħala suspettat ewlieni fil-qtil tal-koppja, f’rejd fil-Furjana. Id-Daniż, Jesper Kristiansen, ir-raġel l-ieħor akkużat b’rabta ma’ dan l-omiċidju, kien ammetta l-akkużi u ġie kundannat 40 sena ħabs.

Daniel Muka, qed jiġi akkużat li spara fatalment lil Pandolfino u Maciejowski u li seraq b’aktar minn €2,329 f’ġojjellerija u oġġetti oħra, apparti akkużi relatati. Dragomanski wkoll qed jiġi akkużat b’rabta mal-qtil u diversi akkużi oħra simili ta’ Muka.

Fost l-akkużi hemm ukoll fil-pusses ta’ arma tan-nar u munizzjon mingħajr liċenzja, li użaw vettura misruqa, u li serqu żewġ pjanċi tal-liċenzja tal-vetturi. Muka u Dragomanski qed jikkontestaw l-akkużi: dik ta’ omiċidju intenzjonat, serq akkumpanjat bl-omiċidju intenzjonat, serq aggravat bi vjolenza, ammont, ħin u lok, detenzjoni illegali u li ssekwestraw liż-żewġ vittmi kontra l-volontà tagħhom filwaqt li ssottomettihom għal ġrieħi.

Muka jinsab akkużat ukoll b’estorsjoni ta’ flus jew proprjetà, pussess ta’ arma tan-nar waqt it-twettiq ta’ reat, użu ta’ pjanċi tal-liċenzja misruqa minn karozza oħra, maniġġ ta’ proprjetà misruqa. It-tielet persuna involuta fil-każ – id-Daniż Jesper Kristiansen kien ammetta flok għadda ġuri, il-kompliċità fil-qtil wara li kien ippreżenta nota quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras.

Il-Prosekuzzjoni fil-ġuri ta’ Muka u Dragomanski qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.  L-Avukati Joe Giglio u Michaela Giglio qed jidhru għall-qraba taż-żewġ vittmi. L-Avukat Josette Sultana qed tidher għal Muka filwaqt li l-Avukati Josè Herrera u Alex Scerri Herrera għal Dragomanski.