Lokali Parlament

958 persuna minn pajjiżi terzi ma ħallsux l-ammont dovut u marru l-Isptar Mater Dei

L-ammont ta’ 958 persuna bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena, użaw is-servizz tal-Isptar Mater Dei u għadhom ma ħallsux l-ammont dovut fl-intier tiegħu. Persuni minn pajjiżi terzi jkunu intitolati għall-kura tas-saħħa bla ħlas wara l-ewwel sena ħlas ta’ kontribuzzjonijiet.

Dan ikkonfemah fil-Parlament il-Minstru Jo Etienne Abela għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ. Fil-mistoqsija bil-miktub staqsiet lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiv jgħid meta persuni minn pajjiżi terzi jkunu intitolati għall-kura tas-saħħa bla ħlas; u jgħid ukoll kemm hemm persuni minn pajjiżi terzi li għandhom kontijiet pendenti relatati mas-servizzi tas-saħħa.

Minn mistoqsija parlamentari oħra tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ, jirriżulta li 796 persuna minn pajjiżi terzi għandhom jagħtu sa elf ewro; 125 persuna bejn €1,001 u €5,000; 23 persuna bejn €5,001 u €10,000 u 14 persuna li għandhom iħallsu aktar minn €10,000.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsiet kemm huma persuni minn pajjiżi terzi li għandhom kontijiet pendenti relatati mas-servizzi tas-saħħa, li mhumiex koperti b’assikurazzjoni tas-saħħa privata u li mhumiex intitolati għas-saħħa bla ħlas.