Abner Aquilina, li jinsab mixli bil-qtil brutali ta’ Paulina Dembska, qed jiffaċċja akkużi ġodda wara allegat att ta’ vjolenza fil-Forensic Ward ta’ l-isptar Monte Carmeli, fejn allegatament ta daqqa ta’ pinna (biro) f’għajn ta’ priġunier ieħor.
Il-vittma allegata, Charlo Cutajar, xehed fil-Qorti li għal xi żmien kien hemm tensjonijiet bejn Aquilina u hu, iżda l-affarijiet eskalaw meta Aquilina allegatament ħammeġ kontenitur taz-zokkor komuni li kien jntuża’ minnu u Abner Aquilina.
Skont ix-xhieda ta’ Cutajar, l-attakk seħħ mingħajr l-ebda twissija, u dan meta Aquilina tah daqqa ta’ pinna f’għajnu l-leminija waqt li kienu qed jagħmlu ħidmiet ta’ rutina relatati ma’ ordnijiet ta’ xiri.
Cutajar qal li ma kien hemm l-ebda argument jew provokazzjoni immedjata qabel l-attakk u li ma jifhemx x’wassal għal dan l-aġir vjolenti.
Ix-xhud Mark Gatt, li kien ukoll pazjent fil-istess sala, ikkonferma li ra l-inċident iseħħ quddiem għajnejh. Huwa xehed li l-attakk seħħ f’daqqa waqt li kienu qed jieħdu ħsieb xi formalitajiet amministrattivi relatati ma’ xiri ta’ prodotti. Gatt qal li ma semax argument jew għajjat bejn iż-żewġ pazjenti qabel l-attakk, u b’hekk ikkonferma l-verżjoni ta’ Cutajar.
Abner Aquilina kien ġie arrestat f’Jannar tal-2022 u ġie mixli bl-istupru u l-qtil ta’ Paulina Dembska, tfajla Pollakka li nstabet mejta f’ġnien pubbliku f’Tas-Sliema — każ li qajjem rabja nazzjonali u diskussjoni mġedda fuq il-vjolenza kontra n-nisa u l-mod kif il-ġustizzja tittratta persuni b’mard mentali.
Wara l-arrest tiegħu, Aquilina kien ittieħed għal Mount Carmel fejn intbagħat fil-sezzjoni forensika, fost allegazzjonijiet ta’ theddid u fastidju kontra membri tal-istaff mediku. Il-proċeduri għadhom għaddejjin u l-Qorti ser tkompli tisma’ xhieda u tikkunsidra jekk hemmx biżżejjed provi biex tiġi formulata akkuża formali f’dan l-iżvilupp il-ġdid.
//= $special ?>