Lokali

Appell mil-lukandieri: “Tibqgħux tħammrulna wiċċna mat-turisti”

Jeħtieġ azzjoni immedjata f’San Ġiljan u Paceville hekk kif qed isiru xogħlijiet u ħsejjes esaġerati – għad-detriment tan-negozji u l-lukandi fiz-zona.

Iddikjarat dan l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti fi stqarrija ppublikata l-Erbgħa waranofsinhar, fejn appellat għal azzjoni immedjata f’San Ġiljan u Paceville. Dan għaliex dawn iz-zoni qed jesperjenzaw ħsejjes esaġerati, xogħol ta’ skavar u konġestjoni tat-traffiku fl-istaġun li fih pajjiżna jara ħafna turisti.

L-MHRA, spjegat li minkejja li – skont il-liġi – xogħol ta’ skavar mhux permess bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru, f’Paceville u anke f’San Ġiljan għadhom qed isiru dawn ix-xogħlijiet – bl-iskuża li hu xogħol ta’ emerġenza.

L-MHRA, kompliet tispjega li fid-dawl tal-binja li kkollassat l-Erbgħa 11 ta’ Ġunju, flimkien mat-traffiku, ħsejjes u skavar… dan kollu ħalla effetti detrimentali u diffikultà enormi ta’ loġisitika.

Intant, matul il-jum grupp ta’ lukandiera semmgħu leħinhom dwar din is-sitwazzjoni.

Frustrati, il-lukandiera enfasizzaw ir-rabja tagħhom għal xogħlijiet li għadhom għaddejin fiz-zona ta’ San Ġiljan fl-istaġun li jara l-aktar turisti. Bil-lukandiera jistaqsu jekk hux qed ikun ikkunsidrat il-benesseri tar-residenti, l-għejxien tan-negozji li jiddependi fuq it-turiżmu, u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Lukandieri li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet spjegaw li propju ftit tal-ġimgħat ilu l-individwi responsabbli mix-xogħlijet li għaddejin talbu lil-lukandieri sabiex isir xogħol wara l-ħin… għaliex ix-xogħlijeit ma kenux se jitlestew sal-15 ta’ Ġunju. Bil-lukandieri jirrifjutaw li jaċċettaw dan.

Apparti minn hekk, il-BCA, għażlet li tagħti permess ta’ xogħol ta’ emerġenza sabiex jitlesta ix-xogħol – dan ifisser li x-xogħol jista’ jkompli għaddej minkejja li kellu jieqaf fil-15 ta’ Ġunju. Bil-lukandieri, jinsabu fil-għama dwar meta suppost se tintemm din l-estensjoni sabiex jitlestew ix-xogħlijiet.

Kien għalhekk li l-lukandieri, appellaw għal aktar trasparenza mill-awtortitajiet, kontabbiltà u anke sabiex il-liġi tiġi rrispettata minn kulħadd hekk kif l-ebda kuntrattur ma għandu jitħalla jkompli jaħdem u jikkawża kaos… filwaqt li l-kumplament tal-pajjiż qed jintalab li jwaqqaf ix-xogħlijiet għas-sajf.