Ir-raġel ta’ 21 sena li, ġranet ilu, wettaq l-akbar massakru ta’ persuni fl-istorja moderna tal-Awstrija kien ossessjonat dwar id-dettalji relatati mal-isparaturi qattiela li seħħew fl-iskejjel tul is-snin. U din l-ossessjoni kienet tikkonċerna b’mod partikulari l-inċidenti mdemmija tipiċi fl-iskejjel tal-Istati Uniti.
Intant, il-vera mottiv tal-aggressur għadu misteru sal-lum, wara li hu spiċċa joqtol disa’ studenti u għalliem fi ftit minuti ta’ terrur fl-iskola għolja ta’ Graz. Skola li hu stess kien jattendi madwar tliet snin ilu, L-aggressur spiċċa joqtol lilu nnifsu fuq il-post u issa żdiedu l-indikazzjonijiet li hu kien ilu żmien jippjana, b’mod metikoluż. l-attakk li għadu s’issa jnissel sens kbir ta’ xokk u dieqa fost l-Awstrijaċi.
Hu biss issa li l-investigaturi żvelaw li l-qattiel kellu ‘fissazzjoni inkredibbli’ fl-hekk imsejħa school shootings u meta hu kien ifaħħar ‘mhux biss dawn l-azzjonijiet iżda anki l-protagonisti ta’ dawn ir-reati’. Għalissa mhux magħruf għalfejn ir-raġel – li ma kellux rekord kriminali – għażel l-10 ta’ Ġunju bħala d-data għall-massakru fi Graz.
Meta l-pulizija, fl-aħħar jiem, fittxew fid-dar tal-aggressur huma sabu pjani għal attakk bi splussivi li kien ħejja hu stess flimkien ma’ splussiv tat-tip pipe-bomb. Instabet ukoll ittra b’messaġġ ta’ suwiċidju li l-qattiel kien ħalla għall-ġenituri tiegħu, iżda l-messaġġ ma kellu l-ebda spjegazzjoni dwar l-iskop għall-attakk fl-iskola.
Għalissa, disa’ fost il-11-il midruba fl-attakk għadhom rikoverati l-isptar u meta l-Kanċillier Awstrijak, Christian Stocker, issa ħalef biex jissikka r-regoli għall-pussess tal-armi tan-nar f’pajjiżu.
//= $special ?>