L-Għaqda Mużikali L’Isle Adam tar-Rabat tal-Imdina, qed tiċċelebra 75 sena mill-konsagrazzjoni tagħha, permezz ta’ ċelebrazzjonijiet li se jkunu qed isiru bejn il-Ħamis 19 u l-Ġimgħa 20 ta’ Ġunju.
Iċ-ċelebrazzjonijiet se jikkonsistu f’quddies fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù nhar il-Ħamis 19 ta’ Ġunju, li se tkun qed titmexxa mir-Re Gwardjan Patri Clive Camilleri OFM u Patrijiet Franġiskani bis-sehem tal-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp u l-fergħat kollha fi ħdan il-Komunità Ġużeppina.
Fi tmiem il-konċelebrazzjoni se jiġi mbierek standard ġdid tal-banda mid-Direttur Spiritwali Patri Pawl Galea OFM. Il-quddiesa se tkun animata minn elementi tal-Banda L’Isle Adam flimkien mal-Kor San Franġisk t’Assisi.
Wara se jkun trasportat is-Sagrament lejn il-Każin tal-Banda L’Isle Adam, il-Kappella ta’ Palazzo Xara. Se jkun hemm mument ta’ talb u wara se jingħata bidu għal Adorazzjoni li se tibqa’ sa nofsinhar tal-Ġimgħa 20 ta’ Ġunju, fil-Kappella tal-Każin.
Fis-7.00pm, se ssir Quddiesa Solenni, fuq it-terazzji ta’ Palazzo Xara, immexxija mill-Isqof Emeritu Mons.Gorġ Frendo O.P. Fi tmiem il-Quddiesa jsir it-Tiġdid tal-Konsagrazzjoni, kant tat-Te Deum u Barka Sagramentali. Il-Quddiesa se tkun animata mill-Kor Santa Ċeċilja tal-Parroċċa ta’ San Nikola tas-Siġġiewi.
Waqt il-quddiesa se ssir ġabra speċjali għal Malta Trust Foundation.
Fil-Kappella ta’ Palazzo Xara, matul dawn il-jiem se jkun hemm espost ukoll il-Bastun Mirakoluż ta’ San Ġużepp.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu trasmessi fuq il-paġni soċjali tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam u anke fuq il-paġna Xandiriet Komunità Franġiskana u Ġużeppina.
Finalment, fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet se jkun hemm logħob tan-nar tal-ajru mill-Kamra tan-Nar 19 ta’ Marzu.