Futbol Sport

Franklin Sasere jiffirma ma’ Birkirkara

Franklin Sasere
Franklin Sasere

L-Istripes qed ikomplu jkunu attivi f’dawn l-ewwel jiem tal-kampanja akkwisti, hekk kif illum ħabbru akkwist ieħor, din id-darba ta’ Franklin Sasere mingħand Floriana.

L-akkwist ta’ Sasere hu meqjus bħala wieħed importanti fid-dawl tal-fatt li l-iskorer prolifiku Niġerjan jista’ jservi bħala s-sostitut ideali kemm ta’ Maxuell Maia li ssieħeb ma’ Gżira United, kif ukoll ta’ Paul Mbong, kemm il-darba dan tal-aħħar ma jiffirmax kuntratt ġdid ma’ Birkirkara.

Sasere reġa’ irritorna jilgħab f’Malta l-istaġun li għadda ma’ Floriana, fejn kellu staġun mill-aqwa u kien fost l-aqwa skorers fost it-timijiet tal-Malta Premier.

B’kollox, bil-partiti tal-FA Trophy inklużi, Sasere lagħab 34 partita ma’ Floriana u skorja 15-il gowl.

Għal Sasere dan se jkun ir-raba’ staġun tiegħu f’Malta, wara li fil-passat lagħab għal żewġ staġuni ma’ Ħamrun Spartans. L-esperjenza tal-attakkant ta’ 27 sena mal-Ħamruniżi wkoll kienet suċċess, fejn b’kollox hu lagħab magħhom f’50 logħba u skorja 22 gowl.

Interessanti l-fatt li l-akkwist il-ġdid ta’ Birkirkara, Sasere lagħab għaxar darbiet kontra l-Istripes u skorja erba’ gowls.