Gareth Southgate jista’ jirritorna fit-tmexxija ta’ tim nazzjonali, kważi sena wara li spiċċa minn kowċ tal-Ingilterra. Fl-aħħar sigħat, is-sit elettroniku Pollak, Przeglad Sportowy Onet, żvela li l-Ingliż hu wieħed mill-kowċis li kkomunika mal-FA Pollaka, biex japplika għall-impjieg ta’ kowċ nazzjonali ġdid tal-Polonja.
Fil-jiem li għaddew, Michal Probierz irreżenja minn kowċ tal-Polonja, fl-isfond ta’ kontroversja sħiħa wara li ħa d-deċiżjoni li l-aqwa skorer ta’ kull żmien fit-tim nazzjonali Pollak, Robert Lewandowski, ma jibqax captain tal-iskwadra.

Il-Polonja jinsabu fl-istess grupp ta’ Malta, għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2026. Il-possibiltá li l-Polonja tikkwalifika għall-edizzjoni li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni qed tikkomplika ruħha wara li huma tilfu 2-1, fl-aħħar logħba tagħhom fil-grupp, kontra l-Finlandja.
Fis-17 ta’ Novembru li ġej, il-Pollakki se jkunu qed jilagħbu kontra Malta f’Ta’ Qali, u sa dakinhar irid ikun inħatar kowċ nazzjonali ġdid bħala s-suċċessur ta’ Probierz.
Skont Przeglad Sportowy Onet, Southgate hu wieħed mill-kandidati li esprima l-interess tiegħu f’dan l-impjieg. Hu mifhum li kemm-il darba, l-FA Pollaka tilqa’ l-interess ta’ Southgate, il-kowċ Britanniku irid jinsa li se jkollu l-istess salarju li jingħad li kellu mal-FA Ingliża, dak ta’ madwar ħames miljun lira sterlina fis-sena.
Rapporti fil-midja Pollaka diġà indikaw li l-President tal-FA tal-pajjiż, Cezary Kulesza, tkellem favur li l-kowċ nazzjonali ġdid ikun Pollak, bl-ismijiet li qed jissemmew huma dawk ta’ Jan Urban, Jacek Magiera, Adam Nawałka u Jerzy Brzeczek.
Madankollu, l-istess rapporti qed jgħidu li fost il-kowċis barranin li esprimew l-interess tagħhom biex jieħdu t-tmexxija tat-tim nazzjonali Pollak f’idejhom, apparti Southgate, hemm Miroslav Klose, Nenad Bjelica, Carlos Queiroz u Winfried Schafer.
//= $special ?>