Futbol Sport

Hibernians se jilagħbu kontra FC Spartak Trnava jew BK Häcken

It-trofew tal-UEFA Europa Conference League
It-trofew tal-UEFA Europa Conference League

Hibernians se jkunu qed jilagħbu fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa Conference League kontra r-rebbieħ fuq żewġ partiti tal-konfront bejn FC Spartak Trnava ta’ Slovakkja u BK Häcken tal-Iżvezja.

Hibernians qabżu l-ewwel rawnd ta’ din il-kompetizzjoni, l-istess kif kienu għamlu staġun ilu r-rebbieħa tal-FA Trophy, Sliema Wanderers, u b’hekk se jilagħbu fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni kontra t-tim li jikseb l-aħjar aggregate bejn FC Spartak Trnava u BK Häcken.

Kemm-il darba l-avversarji ta’ Hibernians ikunu FC Spartak Trnava, din tkun ir-raba’ darba tagħhom li jkunu lagħbu kontra l-Pawlisti f’kompetizzjoni tal-UEFA. L-ewwel darba li FC Spartak Trnava lagħbu kontra Hibernians kien fl-1969, fit-Tazza taċ-Champions. Dakinhar, bħala champions taċ-Ċekoslovakkja, FC Spartak Trnava kienu għelbu lil Hibernians b’aggregate ta’ 6-2, bil-partita li kienet ntlagħbet f’Malta bejn it-tnejn kienet intemmet 2-2.

Hibernians u FC Spartak Trnava reġgħu lagħbu kontra xulxin, f’konfront validu għal kompetizzjoni Ewropea, fl-istaġun 2014/15. Dakinhar, iż-żewġ timijiet lagħbu fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa League u t-tim Slovakk kien rebaħ b’aggregate ta’ 9-2.

Fl-istaġun 2016/17, Hibernians kienu reġgħu ġew biex jilagħbu kontra FC Spartak Trnava għat-tielet darba fl-istorja u għat-tieni darba fil-UEFA Ewropa League. Fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, FC Spartak Trnava kienu rebħu 6-0 fuq żewġ partiti.

Fil-każ tal-klabb Żvediż ta’ BK Häcken, jekk dawn jegħlbu lil FC Spartak Trnava fuq żewġ legs, għalihom se tkun l-ewwel darba tagħhom li se jaffrontaw tim Malti f’kompetizzjoni tal-UEFA.