Ivan Castillo, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo sostna fil-parlament li d-distretti elettorali għandhom ikunu approvati b’żewġ terzi tal-parlament u mhux b’maġġoranza sempliċi.
Ivan Castillo qal li jridu jinżammu l-integrità tal-komunità u s-sens ta’ ġustizzja fit-tibdil li jsir fid-distretti. Hu sostna li d-distretti jridu jkunu ta’ iktar jew inqas minn 5% tal-kwota nazzjonali, kif fil-fatt sar f’dan it-tibdil iżda l-mod kif dan sar qed iqajjem ħafna mistoqsijiet u dubju fost il-poplu. Il-mod kif saru d-distretti juri li hemm distrub konsiderevoli f’ċertu lolakitajiet li nqasmu min-nofs u tpoġġew f’distretti differenti.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar ir-relazzjoni bejn il-politiku u l-kostitwenti fid-distretti u qal li meta d-deputati ma jibqgħux fuq l-istess distrett, tinħoloq apatija u nuqqas ta’ fiduċja fil-politika.
Ivan Castillo kompla li hu possibbli li jkun elett deputat indipendenti u jekk jiġri dan, l-emenda kostituzzjonali tal-maġġoranza ma tidħolx fis-seħħ u għalhekk jiggverna min għandu l-maġġoranza tad-depuati. Għalhekk hu importanti li jkun hemm qbil fil-parlament, sostna Ivan Castillo, li kompla li f’distretti ta’ predomnianza Nazzjonalista tnaqqsu waqt li żdiedu dawk bi predominanza Laburista. Dan iwassal li hu ferm iktar diffiċli li l-PN iġibu siġġu wieħed fejn żdiedu l-voti.
Id-deputat Nazzjonalista appella biex ikun hemm qbil dwar id-distretti kif kien hemm qbil fil-passat u sostna li t-tibdil fid-distretti m’għandux jgħaddi b’vot sempliċi mill-parlament iżda għandu jkun approvat biż-żewġ terzi tad-depuati.
//= $special ?>