Lokali

Il-ħajja tkompli togħla, u l-Gvern jibqa’ ċass quddiem din il-kriżi – PN

F’Mejju l-ħajja f’Malta terġa’ togħla waqt li r-rata medja tal-għoli tal-ħajja fl-UE u fiz-zona ewro tonqos; il-Gvern Laburista qed iwarrab is-soluzzjonijiet li qed iressaq il-PN anke mill-Oppożizzjoni

Il-prezzijiet f’Malta qed ikomplu jogħlew b’rata ogħla minn dawk ta’ bosta pajjiżi oħra Ewropej.

Aktar preokkupanti huwa l-fatt li filwaqt li f’Malta l-ħajja qed tkompli togħla, il-medja kemm tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll taz-zona ewro qed tonqos.

Minkejja f’dan – għax mhux qed iħoss il-polz tal-poplu – il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ ċass quddiem din il-kriżi li qed twassal biex ħafna familji mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar, u bosta oħrajn qed jiffaċċjaw diffikultajiet mingħajr ma jsibu l-ebda appoġġ li jista’ jweżinhom, b’effett dirett fuq il-livell tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja.

L-aħħar statistika ppubblikata llum mill-Gvern stess permezz tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li f’Mejju l-ħajja f’Malta kompliet togħla u r-rata tal-għoli tal-ħajja żdiedet għal 2.7% fuq ix-xahar ta’ qabel. Dan meta l-medja għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea naqset għal 2.2% u dik tal-pajjiżi taż-żona ewro naqset għal 1.9%.

Skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur li jqabbel il-prezzijiet madwar l-Ewropa, ir-rata medja tal-għoli tal-ħajja fl-UE f’Mejju 2025 naqset sew meta mqabbel ma’ April u anke mal-istess xahar is-sena ta’ qabel. Bl-istess mod anke r-rata medja tal-pajjiżi li għandhom l-ewro naqset sew max-xahar ta’ qabel u anke meta mqabbel ma’ sena ilu.

Għall-kuntrarju, l-għoli tal-ħajja f’Malta żdied kemm fuq ix-xahar ta’ qabel u anke fuq perjodu ta’ sena – minn 2.3% f’Mejju 2024 għal 2.7% f’Mejju ta’ din is-sena. Ir-rata ta’ Malta ilha tiżdied xahar wara l-ieħor, minn Diċembru 2024.

                                    Mejju 2025            April 2025             Mejju 2024

Malta                        2.7%                          2.6%                          2.3%
UE                              2.2%                          2.4%                          2.7%
Zona ewro               1.9%                          2.2%                          2.6%

Għal darba oħra, fost l-akbar żidiet reġistrati kien hemm dawk tal-prezzijiet tal-ikel, l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-laħam. Żidiet oħra li kkontribwew għal din iż-żieda fir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja kienu dawk fil-prezzijiet tat-trasport u fil-prezzijiet tar-ristoranti u l-lukandi.

Dan l-indiċi ppubblikat illum jiġi mkejjel mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (EUROSTAT) u jkun ikkalkulat fuq l-istess basket ta’ prodotti u servizzi madwar l-Ewropa kollha.

Ir-responsabbiltà ewlenija tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija l-politika li ħaddan il-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar 12-il sena u l-mudell ekonomiku li adotta, u li issa hu stess qed jammetti li falla. Dan flimkien mat-tberbiq ta’ flus il-poplu bla rażan u bla kontroll. Filwaqt li l-ħaddiema u n-negozji qed jippruvaw jaraw kif se jwasslu, il-Gvern qed ikompli jkun galantom bi flusna.

Filwaqt li min qed ibati qed ikompli jsofri u l-familji qed ikomplu jieħdu daqqa ’l isfel, il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ ċass u bla soluzzjonijiet quddiem il-prezzijiet dejjem jogħlew.

Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni qed iressaq proposti konkreti – miżuri li l-Gvern qed iwarrab fil-ġenb kif għamel meta vvota fil-Parlament kontra l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex jiġi indirizzat l-għoli tal-ħajja. Is-soluzzjonijiet li ressaq il-PN biex jindirizza din l-isfida jinkludu li:

  • Titneħħa t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li ħaddiem jaqla’ mill-part-time u mill-overtime;
  • Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA) ma tibqax taxxabbli;
  • Il-Gvern jagħti tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja;
  • Jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja;

Fuq kollox, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li pajjiżna jkollu mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo.