Il-kunsillieri lokali kollha tal-Partit Nazzjonalista preżenti għal-Laqgħa Ġenerali Annwali tar-Reġjun Lvant ilbieraħ qamu u telqu ’l barra mil-laqgħa hekk kif id-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali kien se jibda d-diskors tiegħu.
Dan għamluh biex jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-aġir ta’ Emil Vassallo li f’mument delikat wara li l-kunsillieri Laburisti ħatfu l-Kunsill ta’ Ħal Għargħur kontra kull rieda tar-residenti, ħass il-ħtieġa li jmur jesprimi ruħu fuq is-Super One. Vassallo mar fuq il-midja tal-Partit Laburista jikkummenta dwar dak li kien ġara f’Ħal Għargħur, fejn is-Sindku Nazzjonalista tneħħiet mill-kariga kontra r-rieda tal-maġġoranza, qabel biss investiga l-każ.
Din kienet mossa insensittiva għall-aħħar, u barra minn lokha, għal Direttur Ġenerali responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
Il-Partit Nazzjonalista, qalu fi stqarrija d-Direttur tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista, Emvin Bartolo; u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN), Liam Sciberras, li l-kunsillieri tiegħu qegħdin hemm għax ħalfu lealtà lejn ir-residenti u mhux lejn xi Ministru jew ieħor.
Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista se jibqgħu jaħdmu għall-ġid tar-residenti li jirrappreżentaw u jistennew li d-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali juri ħafna aktar rispett lejn ir-rieda espressa miċ-cittadini permezz tal-proċess demokratiku tal-elezzjonijiet, u mhux jagħżel li jidher u jitkellem fejn qatt ma kien tkellem qabel.
//= $special ?>