Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell teħles raġel minn sentenza ta’ ħames snin ħabs fuq stupru

Raġel li f’Settembru tal-2023 kien ġie kundannat għal ħames snin ħabs fuq akkużi ta’ stupru, inħeles mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li l-qorti ddeċidiet li ma kinitx “moralment konvinta” li l-att sesswali sar mingħajr kunsens.

Il-każ imur lura għal April 2020, meta r-raġel u l-mara – li kellhom relazzjoni intima twila – iltaqgħu fid-dar tiegħu għal laqgħa li eventwalment wasslet għal att sesswali.

Il-mara rrakkuntat li r-raġel sfurzaha sesswalment, u li kien daħħal subgħajh fiha kontra r-rieda tagħha u kien gidimha f’diversi partijiet tal-ġisem. Qalet li rnexxielha taħrab u marret għand ħuha, li wara ħadha għand il-pulizija. L-istess filgħaxija, hija marret għall-eżaminazzjoni medika fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Floriana.

L-eżaminazzjoni medika wriet marki ta’ gdim ħafif sinjali ta’ brix, b’ritratti li kkonfermaw dawn il-marki viżibbli. Madankollu, ma saritx eżaminazzjoni ġinekoloġika.

Ix-xhieda tal-familja tal-mara – fosthom ħuha u l-mara tiegħu – kif ukoll it-tabib li eżaminaha, ikkonfermaw li l-mara dehret distrutta emozzjonalment wara l-inċident.

Min-naħa tiegħu, ir-raġel ċaħad li kien għamel xi ħaġa kontra l-kunsens tagħha. Hu sostna li kienet hi li bdiet il-kuntatt u li huwa waqaf mill-ewwel meta qalet li ma riditx tkompli. Żied jgħid li kienu għadhom tkellmu fuq it-telefon wara l-inċident u hi qatt ma semmiet l-allegazzjoni.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qalet li r-relazzjoni bejn il-koppja kienet “kolorita u avventuruża”, u għalhekk il-preżenza ta’ marki jew ġrieħi ħfief ma kinitx biżżejjed biex tikkonferma li kien hemm stupru.

Il-qorti qalet li kienet qed tiffaċċja żewġ verżjonijiet kontrastanti tal-istess avveniment u li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprovdi biżżejjed provi li jgħaddu mill-prinċipju tad-dubju raġonevoli.

Għaldaqstant, il-qorti ma setgħetx tiddikjara ruħha “moralment konvinta” li l-att sesswali sar mingħajr il-kunsens tal-mara u għalhekk ħelset lir-raġel mill-akkużi. Id-difiża kienet rappreżentata mill-avukati Stephen Tonna Lowell u Charles Mercieca.