Futbol Sport

Inter miżmuma minn Monterrey

Monterrey…………..1

Inter…………………..1

Monterrey: E. Andrada, S. Medina, S. Ramos, V. Guzman, R. Chavez (E. Aguirre 58’), S. Canales (J. Rojas 89’), J. Rodriguez, O. Torres (N. Deossa 58’), G. Ateaga, G. Berterame (F. Ambriz 79’), L. Ocampos (J. Cortizo 89’)

Inter: Y. Sommer, B. Pavard (L. Henrique 58’), F. Acerbi, A. Bastoni, M. Darmian, N. Barella, K. Asllani (P. Sucic 68’), H. Mkhitaryan (N. Zalewski 78’), C. Augusto (F. Dimarco 68’), L. Martinez, S. Esposito (M. Thuram 58’)

Referee: Wilton Pereira Sampaio (Brażil)

Inter kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Monterrey tal-Messiku fl-ewwel partita tagħhom wara l-finali umiljanti tal-UEFA Champions League fejn tilfu bl-iskor ta’ 5-0. Din kienet ukoll l-ewwel partita ta’ Inter taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid Cristian Chivu.

Kienu Monterrey li marru fil-vantaġġ wara 25 minuta meta minn corner ta’ Oliver Torres, kien l-eks plejer ta’ Real Madrid, Sergio Ramos li għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Yann Sommer.

Inter viċin li jġibu l-iskor indaqs żewġ minuti wara iżda l-konklużjoni mill-viċin ta’ Sabeastiano Esposito kienet salvata b’mod tajjeb minn Esteban Andrada. Inter ġabu l-iskor indaqs fit-42 minuta, minn freekick ta’ Kristjan Asllani li sab lil Carlos Augusto li għadda lejn Lautaro Martinez u li kkonkluda mill-viċin.

Fit-tieni taqsima, kien Monterrey l-aktar li resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta fit-63 minuta xutt mid-distanza ta’ Sergio Canales ħabat mal-wieqfa, biex fit-tieni tentattiv mill-viċin German Berterame xeħet barra.

Fis-67 minuta, azzjoni tajba minn Inter iżda l-gowl ta’ Martinez kien imħassar għal offside. Fis-76 minuta, ċans ieħor għal Martinez iżda minn pożizzjoni tajba xeħet għoli.