Lokali Qorti

It-tielet jum fil-ġuri dwar il-qtil ta’ żewġt irġiel f’Tas-Sliema jibda bl-aċċess – Muka jkompli bil-problemi

Il-ġuri li daħal fit-tielet jum tiegħu dwar il-qtil li seħħ f’Tas-Sliema fl-2020, li beda bl-aċċess fuq il-post ġewwa Triq Locker fost sigurtà kbira. Christian Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, kienu nqatlu fit-18 ta’ Awwissu ta’ ħames snin ilu.

L-Albaniż Daniel Muka ta’ 30 sena u Viktor Dragomanski mill-Maċedonja ta’ Fuq (ritratt) qed ikun mixlijin b’rabta mal-qtil taż-żewġt irġiel u diversi akkużi oħra. Id-Daniż Jesper Kristiansen, li kien ukoll implikat fil-każ, kien ammetta minflok għadda ġuri u ġie kundannat 40 sena ħabs. Kristiansen għandu jkun ix-xhud ewlieni fil-ġuri.   

Kien ftit wara d-9am tal-Erbgħa, li l-ġurati erħewla lejn ir-residenza fejn il-koppja kienet ġiet assassinata fejn hemm huma ddawru mal-post biex ikollhom stampa aħjar ta’ kif seħħ il-każ dakinhar.

Pandolfino kien instab isfel mixħut ma’l-art minn tulu mejjet wara li kienu ġew sparati lilu ħames tiri ta’ arma tan-nar filwaqt li Maciejowski kien instab mejjet fl-indana ta’ fuq wara li kien intlaqat minn tir wieħed f’wiċċu.

Iż-żewġt irġiel inqatlu kiesaħ u biered b’għadd ta’ tiri tan-nar fid-dar tagħhom fejn Pandolfino kien għadu kemm wasal id-dar wara li kien akkumpanja lil membri tal-familja għal ikla li saret f’lukanda, u spiċċa biex inqatel ftit wara li wasal id-dar. Maciejowski ma kienx mar għal din l-ikla u kien qatta l-lejla d-dar.

Muka jkompli joħloq il-problemi, anke wara l-aċċess

Daniel Muka kompla kompla joħloq il-problemi waqt il-ġuri fejn wara lik rrifjuta li jinżel mill-vann tal-ħabs fl-aċċess f’Tas-Sliema fejn inqatlu t-Tabib Chris Pandolfino u sieħbu Ivor Maciejowski. Stqarr dan uffiċjal korrettiv li xehed fit-tielet jum tal-ġuri li fih Muka jinsab akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema.

It-Tlieta filgħaxija l-Qorti ordnat biex l-Erbgħa Muka jittieħed fi Triq Locker għall-aċċess. L-uffiċjal tal-ħabs xehed li Muka l-Erbgħa – lanqas il-Qorti ma ried imur. Xehed li Muka akkuża lill-uffiċjali tal-ħabs li kienu qed jiksru l-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Il-problemi ma waqfyx hemm u Muka rrifjuta li joqgħod fl-iżbarra għal darba oħra, minkejja li l-Qorti tagħtu ċ-ċans, imma hu qed jibqa’ jwebbes rasu u jġib ruħu ħażin. L-akkużat qed jerġa jsegwi s-seduta mill-kamra ta’ wara l-awla.

Wara li l-affarijiet ikkalmaw xi ftit xehdet Valerie Mifsud, li dak iż-żmien Surġent fl-Għassa ta’ Tas-Sliema. Qalet li l-Pulizija ġiet mgħarrfa bil-qtil b’telefonata mingħand raġel li qal li kien joqgħod fi Triq Locker u li allega li kien sema’ xi sparaturi.

Dwar x’rat fuq ix-xena tad-delitt, hi qalet li l-bieb tar-residenza tal-vittmi kien magħluq. Il-Pulizija sfurzatu ġewwa bid-daqqiet ta’ sieq. Malli daħlet fir-residenza tal-vittmi rat lit-Tabib Pandolfino kien diġa mejjet. Huwa kien mimdud fl-art u wiċċu ‘l isfel. Madwaru kien hemm għadira demm u kien hemm ukoll salib tad-deheb fl-art ħdejn il-katavru tiegħu.

Tenniet li tkellmet ma’ xhieda fuq il-post inkluż maz-ziju tat-Tabib Pandolfino, Alfred Debono li joqgħod fl-istess triq. Mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija qalet li t-tliet irġiel dehru konfużi u mexjin b’pass mgħaġġel imbagħad ħarbu minn fuq il-post b’karozza bajda.

Mill-investigazzjonijiet li għamlu skopriet li t-tliet irġiel kienu b’wiċċhom mgħammad u lebsin xi brieret. Kien hawn li bdiet tfittxija mill-Pulizija għall-karozza. Qalet ukoll li dakinhar li seħħ il-qtil it-Tabib Pandolfino kien qed jiekol mal-membri tal-familja tiegħu, iżda għal xi raġuni telaq madwar 20 minuta qabel l-oħrajn

Xehed ukoll raġel bil-video conferencing li bħalissa ma jinsabx Malta. Qal li meta seħħ il-qtil kien qed joqgħod kantuniera ma’ Triq Locker. Huwa rrakkonta, fost l-oħrajn, li wara li nstemgħu xi tiri kien ra xi nies jiġru mit-tieqa.

Xhieda jispjegaw kif seħħ il-qtil brutali tat-Tabib Pandolfino u s-sieħeb tiegħu

Xhieda li wara nofs inhar taw ix-xhieda tagħhom fil-qorti li komplew jixħtu dawl fuq is-sekwenza ta’ avvenimenti li wasslu għall-qtil doppju tat-Tabib Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu, Ivor Maciejowski.

Fost l-ewwel li xehed kien Christopher Gauci, residenti fi Triq Locker, li rrakkonta kif dakinhar kien fuq il-bejt ta’ daru jpejjep sigarett waqt li kien qed jara logħba futbol. Gauci qal li ra karozza bajda tipparkja fil-viċinanzi u żewġ persuni jitilqu minnha, liebsin ħwejjeġ suwed, maskri u brieret tal-baseball. Wieħed minnhom, qal, kellu basket f’idejh.

Skont x-xhieda tiegħu, iż-żewġ irġiel dehru jħabbtu bis-saħħa mal-bieb tar-residenza tal-vittmi. Ftit minuti wara, Gauci sema’ minn erba’ sa ħames tiri ta’ arma tan-nar, u minnufih ċempel lill-Pulizija. Aktar tard, huwa ra persuna oħra, li jingħad li kienet it-tielet suspettat, tissieħeb mal-ewwel tnejn. It-tlieta ħarġu mid-dar u telqu bil-karozza lejn Triq Tigné.

Alfred Debono, iz-ziju ta’ Pandolfino, ukoll xehed li kien sema’ ħoss kbir u meta ħareġ jara mill-gallarija tiegħu – li tinsab eżatt faċċata tad-dar tal-vittmi – ra raġel dieħel ġewwa r-residenza. Huwa niżel fit-triq u ġie informat minn ġar li kienu instemgħu tiri u li kien ċempel lill-Pulizija.

Oħt tal-vittma, Paula Pandolfino, spjegat li ġirien kienu avżawha b’dak li seħħ u qalulha li kienu semgħu tiri ġejjin mir-residenza ta’ ħuha.

Lejla speċjali tispiċċa fi traġedja

Ħu l-vittma, Joseph Pandolfino, qal li l-lejl qabel kien wieħed speċjali, hekk kif il-familja kienet għadha kemm organizzat ikla f’għeluq iż-żjara ta’ Paula f’Malta. Huwa xehed li għall-ħabta tal-10:33pm, oħtu ċemplitlu f’paniku u qaltlu: “Ejja, ejja, hemm sparatura.” Huwa ddeskriva lil ħuh bħala bniedem stravaganti, intelliġenti immens, u żvela li kien ilu madwar ħames snin f’relazzjoni ma’ Ivor Maciejowski, li ddeskrivieh bħala raġel edukat ħafna.

Minn xhieda oħra ġie kkonfermat li ż-żewġ vittmi ġew iċċertifikati mejta fuq il-post, wieħed instab fis-sular t’isfel, u l-ieħor fl-ewwel sular. Dan ġie kkonfermat mit-tabib Jonathan Joslin u l-Konsulent tal-Emerġenza Michael Spiteri.

Il-Prosekuzzjoni fil-ġuri ta’ Muka u Dragomanski qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.  L-Avukati Joe Giglio u Michaela Giglio qed jidhru għall-qraba taż-żewġ vittmi. L-Avukat Josette Sultana qed tidher għal Muka filwaqt li l-Avukati Josè Herrera u Alex Scerri Herrera qed jidhru għal Dragomanski. Il-ġuri jkompli l-Ħamis fid-9am.