Lokali

AĠĠORNATA: Imut wieħed mis-sewwieqa li kien involut fl-inċident ta’ Ħaż-Żebbuġ

Raġel ta’ 32 sena tilef ħajtu wara l-inċident tal-bieraħ f’Ħaż-Żebbuġ.

Kien għall-ħabta tal-10om meta l-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq L-Imdina, Ħaż-Żebbuġ. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kien seħħ impatt bejn Renault Captur li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 57 sena minn Ħad-Dingli u Honda Civic li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 32 sena residenti Ħal Luqa.

Fil-Honda Civic kien hemm ukoll tfajla ta’ 28 sena, residenti Ħ’Attard.

Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. Ftit tal-ħin wara, ir-raġel ta’ 32 ġie ċċertifikat mejjet.

Ir-raġel l-ieħor sofra ġrieħi gravi, filwaqt li l-kundizzjoni tal-mara għadha pendenti

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

AKTAR KMIENI

Numru ta’ ambulanzi, Pulizija u membri tas-CPD issejħu f’Ħaż-Żebbug tard bil-lejl wara inċident tat-traffiku.

Il-każ jidher li seħħ għall-ħabta tal-10:45pm fi Triq l-Imdina.

Fl-inċident kienu involuti żewġ karozzi, bis-sewwieqa jittieħdu l-isptar. Il-karozzi – li kienu viċin ir-roundabout ta’ St Dorothy’s – spiċċaw ħabtu head-on.

Net News jinsab infurmat li ż-żewġ persuni jinsabu rikoverati l-ITU jissieltu għal ħajjithom.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo