Lokali Parlament

Jeħtieġ diskussjonijiet dwar tibdil fis-sistema elettorali

Albert Buttigieg, PN

Jeħetieġ li l-President ta’ Malta tippresiedi diskussjonijiet dwar tibdil fis-sistema elettorali u anki fil-Kostituzzjoni fosthom dwar il-kobor tal-Parlament, in-numru ta’ distretti, li d-distretti ma jinbidlux u li ssir treshold biex il-partiti ż-żgħar jingħataw vuċi fil-Parlament. Jeħtieġ li ma jintefgħux dubji fuq id-demokrazija kif qed jiġri bil-proposta tal-gvern.

Dan sostnih id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg meta kien qed jitkellem fil-Parlament.

Albert Buttugieg tkellem dwar l-istorja tal-elezzjonijiet ġenerali li għaddew u qal li l-propsota tal-maġġoranza tal-Kummissjoni Elettorali se twassal għal vantaġġ għall-PL.

Hu qal li jekk din hi l-aġenda tal-gvern, allura jidher li l-PL għadu ma tagħllimx mill-istorja. Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-kisbiet li għamel il-pajjiż u qal li flimkien ma’ dawn kien hemm mumenti oħra li ħammru wiċċ il-pajjiż, fosthom l-elezzjoni ġenerali tal-1981 li kważi wasslet għal gwerra ċivili.

Dan flimkien mal-perjodu iswed tas-sebgħinijiet u t-tmenijiet, sostna Albert Buttigieg, li qal li l-PL kien qed jilgħab bid-demokrazija bi vjolenza fuq il-PN u l-qtil ta’ persuni innoċenti bħal Karin Grech u Raymond Caruana.

Albert Buttigieg qal li fl-1981, il-PL kien jaf li m’għandux il-maġġoranza taċ-ċittadini u għamel pjan biex ibagħbas id-distretti elettorali. Hu sostna li dan kien ġab riżultat pervers. Issa, l-istess PL qed jipproponi l-istess kunċett ta’ tibdil fid-distretti. Għalhekk hawn dubji serji fuq dawn id-distretti. Propju għax dan hu l-istess PL.

Hu kkritika t-tibdil propost issa u qal li ħafna minn dan it-tibdil ma jagħmilx sens. Fost dawn hemm il-firda ta’ parijiet minn Birkirkara u min-Naxxar. Dan bl-iskop li jiddgħajfu t-8, id-9 u l-10 distrett elettorali u jissaħħaħ l-1 distett fejn il-PL għandu l-maġġoranza.

Albert Buttigieg qal li l-emenda Kostituzzjonali tal-maġġoranza tidħol fis-seħħ biss jekk ikun hemm biss żewġ partiti fil-parlament u għalhek jekk ikun elett it-tielet partit jew deputat indipedenti, f’dan il-każ jiggverna l-partit li jkollu l-maġġoranza tas-siġġijiet. Hu qal li hemm ħafna ċittadini li qed jirrifjutaw li jieħdu sehem fil-proċess elettorali partikolament fost iż-żgħażagħ.