Lokali Qorti

Jiffranka ħames snin ħabs fuq stupru: Il-Qorti tal-Appell ma kinitx moralment konvinta li l-att ma kienx konsenswali

Raġel li kien ikkundannat għal ħames snin ħabs wara li nstab ħati ta’ stupru f’Settembru tal-2023, rebaħ l-appell tiegħu l-Erbgħa wara li l-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li ma kinitx “moralment konvinta” li l-att sesswali ma kienx konsenswali.

L-inċident imsemmi seħħ f’April tal-2020 meta r-raġel u l-mara kellhom kuntatt sesswali fid-dar tiegħu. Iż-żewġ persuni kienu f’relazzjoni intima fit-tul u, skont dak li ġie rrilevat fil-proċeduri, ir-relazzjoni tagħhom kienet waħda “avventuruża u ikkulurita”.

Il-mara rrakkuntat li r-raġel qabeż fuqha, imbutta fuq is-sodda u sforza lilu nniffsu fuqha b’mod vjolenti – inkluż permezz ta’ penetrazzjoni bil-swaba’ u gidimiet f’diversi partijiet ta’ ġisimha. Hi rnexxielha taħrab u marret għand ħuha fejn irrappurtat l-inċident lill-Pulizija filgħaxija stess.

Sarilha eżami mediku fil-Furjana fejn instabu ġrieħi ħfief u marki ta’ gdim, li ġew ukoll dokumentati b’ritratti. Madanakollu, ma sarx eżami ġinekoloġiku. Ix-xhieda ta’ ħuha, ta’ martu u tat-tabib li eżaminaha kollha kkonfermaw li l-mara dehret imħawda u affettwata ħafna wara dak li ġara.

Min-naħa tiegħu, ir-raġel ċaħad li l-att ma kienx konsenswali. Hu sostna li l-mara kienet hi li bdiet l-inizjattiva u li malli esprimiet xi forma ta’ diskomfort, huwa waqaf minnufih. Huwa qal ukoll li aktar tard matul l-istess ġurnata kienu tkellmu fuq it-telefon u li hi ma semmietx l-inċident.

Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qieset li f’dan il-każ kien hemm verżjoni kontra oħra u li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprovdi biżżejjed provi biex tipperswadi lill-Qorti “’il fuq minn kull dubbju raġonevoli” li l-att sesswali sar kontra r-rieda tal-mara.

Il-Qorti osservat ukoll li n-natura tar-relazzjoni bejn il-koppja kienet tali li xi forma ta’ ġrieħi jew marki fuq il-ġisem ma kinux meqjusa bħala mhux tas-soltu.

Għaldaqstant, l-Imħallef iddeċidiet li ma kienetx moralment konvinta li kien hemm nuqqas ta’ kunsens, u għalhekk ħassret is-sentenza oriġinali u liberat lir-raġel mill-akkuża ta’ stupru. Ir-raġel kien assistit mill-avukati Stephen Tonna Lowell u Charles Mercieca.