Internazzjonali

Jiżbroffa l-vulkan Lewotobi Laki Laki fl-Indoneżja

liputan6.com

Il-vulkan Lewotobi Laki Laki, fl-Indoneżja, ikkaġuna sħaba ta’ rmied wara żbroff qawwi – sħaba li telgħet lejn l-atmosfera, f’għoli ta’ sitt mili, tant li saħansitra diversi titjiriet minn u lejn Bali.

Il-vulkan żbroffa nhar it-Tlieta, għall-ħabta tal-5:35pm, ħin lokali.

Din l-isplużjoni irriżultat ukoll f’irmied sħun fuq il-Gżira Flores. U dehret sħaba oranġjo kbira, bl-irmied baqa’ nieżel sa 93 mil ‘il bogħod.

L-awtoritajiet ħarġu l-ogħla twissija vulkanika u ħeġġew lin-nies biex jibqgħu mill-inqas ħames mili ‘l bogħod mill-crater. B’riżultat ta’ dan, l-Ajruport ta’ Denpasar f’Bali rrapporta dewmien fuq rotot lejn Jakarta, Lombok, l-Awstralja, iċ-Ċina, l-Indja, il-Malasja, New Zealand, u Singapor. L-Ajruport Fransiskus Xaverius Seda li jinsab ħdejn dan il-vulkan kien magħluq sal-Ħamis.

Aġenziji tal-ajru fosthom, Jetstar, Scoot u AirAsia ħassru t-titjiriet tagħhom.

L-iżbroff segwa żieda fl-attività vulkanika, b’50 theżżiża f’sagħtejn.

Il-vulkan żbroffa mill-ġdid l-Erbgħa filgħodu, u din id-darba pproduċa sħaba tal-irmied iżgħar.

Uffiċjali lokali evakwaw il-villaġġi tal-viċinanzi u avżaw dwar il-possibilitá ta’ xmara ta’ lava ikkaġunata minħabba xita qawwija.

Kawża ta’ dan l-iżbroff, madwar 1,000 viżitatur ġew affettwati, b’mod speċjali dawk li kienu sejrin lejn Bali u Komodo National Park.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-vulkan Lewotobi Laki Laki kien diġà żbroffa f’Mejju u f’Novembru.