“Il-BCA ma tridx tisma, jiġifieri qiegħda tpoġġi f’periklu lin-nies, lill-pubbliku hemm barra. Xi ħadd għandu jieħu responsabbiltà tagħha din. Lill-Ministru Jonathan Attard wissejtu li darba oħra kapaċi jmutu bl-għexieren jekk iseħħ inċident simili.”
Hekk stqarr il-President tal-Kamra tal-Ġeoloġi Peter Gatt waqt il-programm Net Live hekk kif kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti f’Paceville wara li l-ġimgħa li għaddiet krollat blokka t’appartamenti.
Peter Gatt iddeskriva dak li ġara f’Paceville bħala diżastru nazzjonali u qal li l-awtorità tal-bini u l-kostruzzjoni falliet b’mod totali – b’mod speċjali meta ċaħdet li tirrikonoxxi lill-Kamra tal-Ġeoloġi fil-Kunsill konsultattiv.
Huwa sostna li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia għandhom jiġu implimentati minnufih, hekk kif ċertu rakkonmandazzjonijiet baqgħu fuq l-ixkaffa.
B’Peter Gatt tkellem fuq rakkomandazzjoni partikolari li setgħet evitat dan il-każ.
Huwa spjega li l-perit tal-binja kien elenka r-riskji marbuta mat-twaqqigħ tal-bini…riskji li l-BCA kienet taf bihom, għaliex id-dokument kien għandhom. Dan apparti illi qal li wieħed mir-riskji għandu rabta ġeoloġika.
Intant fi stqarrija maħruġa mill-Kamra tal-Ġeoloġi intqal li l-BCA twaqqfet biex ma jsirux inċidenti bħal dawn. Iżda sena wara l-oħra, dawn it-tip ta’ inċidenti qed ikomplu jsiru.
Dan filwaqt li l-ġeoloġi elenkaw l-importanza li jsir assessjar ġeoloġiku ta’ kull sit ta’ kostruzzjoni.