“Rexal Ford huwa fantażma; id-dokumenti legali li kellu f’pajjiżna kienu kollha foloz.”
Dan huwa diskors li stqarrew ma’ Net News is-sidien tal-proprjetà li fiha kien jirresiedi ‘l fuq minn sena ilu Francis Kaufmann, li kien iġib l-isem taħt l-identità falza ta’ Rexal Ford.
Is-sidien spjegaw kif minħabba kwistjoni li kellhom fuq il-post, riedu jkellmu lill-istess Amerikan. Madanakollu, ma setgħu jsibuh imkien hekk kif fi kliemhom ir-raġel kien fantażma – li kollox qiegħed jindika li wasal f’pajjiżna b’identità falza. L-istess il-partner li kellu miegħu, li ġġib l-isem ta’ ‘Stella’… fejn kollox qiegħed jindika li hi wkoll kienet qed iġġorr isem falz.
Il-Pulizija Maltija kkonfermat ma’ Net News li l-Pulizija Taljana talbu lill-Korp sabiex jassisti fl-investigazzjonijiet.

Lura fis-7 ta’ Ġunju f’Ruma kienu instabu bla ħajja mara u tarbija ta’ bejn is-sitt xhur u sena – bi Francis Kaufman, sieħeb il-vittma u allegatament missier it-tarbija, jaħrab mill-pajjiż. Sussegwentament, huwa kien instab fil-Greċja, wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija Taljana u dik Griega; kif ukoll ħidma sfieqa tal-ġurnalisti Taljani.
L-investigazzjonijiet waslu proprju għal Marsaskala fejn allegatament l-Amerikan ta’ 46 sena minn Kalifornja flimkien mas-sieħba tiegħu kienu joqogħdu bejn l-2023 u l-2024.
Net News tkellem ma’ numru ta’ ġirien fiz-zona fejn ilkoll saħqu li ma jiftakrux lill-koppja barranija.
Iżda l-midja Taljana qed tirrapporta li l-koppja żżewġu Malta – għalkemm s’issa ma ħareġ ebda dettall ta’ dan iż-żwieġ, filwaqt li qed jallegaw ukoll li t-tarbija twieldet Malta. L-istess ġurnalisti qed jgħidu li fl-Italja, huwa kien iġorr identità falza oħra, bl-isem ta’ Matteo Capozzi.
Huwa qed jiġi deskritt bħala raġel perikoluż, psikopatiku u qattiel; madanakollu min effettivament jafu, saħaq li qatt ma kien jimmaġina li kien kapaċi jasal s’hawn.
Preżentament, Kaufman jinsab arrestat fil-Greċja – jistenna jekk hux se jkun qed jiġi estradit lejn l-Italja jew l-Istati Uniti.

Il-passaport Amerikan falz ta’ Francis Kaufman