L-Għaqda Regatta Birgu qalet fi stqarrija li jilqa’ u jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Għaqda Regatta li r-riżultati tar-Regatta ta’ Settembru 2024 jibqgħu kif inhuma sakemm jintemmu l-proċeduri legali “li nfetħu mill-klabb tagħna fir-rigward tal-każ ta’ doping ta’ Nigel Sant.”
L-istqarrija tgħid li l-Kunsill tal-Għaqda huwa l-ogħla organu fl-istruttura tal-Għaqda Regatta u huwa magħmul mill-klabbs kollha membri. Dan il-Kunsill għandu s-setgħa li jieħu dawk id-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn jittieħdu u li jidhirlu li huma xierqa.
“Bħala kumitat, aħna nikkundannaw l-użu tad-doping u l-użu tad-droga fl-isport, u ninsabu konxji li din hija problema serja li hemm bżonn tiġi indirizzata f’kull dixxiplina sportiva. Bħala klabb, nikkundannaw bla riżervi lill-atleta tagħna, Nigel Sant, għall-aġir tiegħu, u l-klabb se jieħu l-passi kollha meħtieġa, skont il-liġi, kontra dan l-atleta biex niddefendu isimna u biex l-atleta jirrispondi għad-danni li kkawżalna. Bħala klabb, qed nieħdu l-passi kollha biex nipprevjenu każi simili, iżda ma nistgħux ikollna kontroll totali. Għalhekk, nirrifjutaw bil-qawwa kull attentat li jipprova jċappas l-isem tal-klabb tagħna,” tkompli tgħid l-istqarrija maħruġa mil-Għaqda Regatta Birgu
L-istess stqarrija tesprimi d-diżappunt tal-klabb, “li dħalna f’dawn is-sitwazzjonijiet mingħajr l-ebda tort, u li hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ kull sport f’Malta li klabb sab ruħu f’diffikultà minħabba każ ta’ doping ta’ atleta tiegħu, aħna nibqgħu ottimisti li l-verità u l-ġustizzja fl-aħħar issir mal-klabb tagħna. Tajjeb infakkru li l-Kunsill ftit ġimgħat ilu ħa deċiżjoni ċara li, fil-każijiet ta’ doping, il-klabb ma jkollux responsabbiltà diretta u ma jistax jeħel ebda kastig kif ġara anka fil-passat ricenti. Imma, Alla jbierek, għal każ tagħna biss, skont klabb partikolari, din ma tgħoddx.
Aħna nisħqu li r-rebħ għandu jiġi deċiż fil-baħar, laħam ma laħam u l-manuvri li saru dan l-aħħar, biex ittellfulna dak li rbaħna bi dritt, kienu moqżieża. Jekk hawn min irid jirbaħ ix-shield, jaħdem għaliha kif għamilna aħna.
Hemm ħafna x’wieħed jikteb u jgħid, iżda ntqal li klabb u kumitat serju, jippreferi jżomm il-paċi f’mument fejn ir-Regatta tinsab f’xifer li ma ssirx aktar u tispiċċa.
Fl-istess ħin, jikkundannaw lil min qed iwassal messaġġi foloz u jimla lid-dilettanti b’aħbarijiet foloz u bla bażi. Ilbieraħ rajna klabb jiddikjara lilu nnifsu champion għax iddeċieda hekk waħdu.
Dawn huma affarijiet li ma jittwemmnux u li jkomplu jtellfu l-kredibbiltà tal-isport tagħna. Ir-Regatta f’Malta jistħoqqilha amministraturi aħjar,” tikkonludi l-istqarrija maħruġa f’isem l-Għaqda Regatta Birgu.
//= $special ?>