Iżrael hu determinat, aktar minn qatt qabel, li jeqred l-infrastruttura u l-faċilitajiet li qed juża l-Iran biex jipproduċi l-materjal nukleari – materjal li jista’ jintuża fl-iżvilupp tal-armamenti għall-qerda tal-massa u fost indikazzjonijiet li l-Iranjani jistgħu għandhom diġà bejn sitta u għaxar missili li, ‘il quddiem, ikunu kapaċi jġorru l-warheads nukleari.
Il-gwerra bejn Iżrael u l-Iran se tagħlaq ġimgħa u meta l-qawwiet rispettivi komplew jisparaw il-missili u d-drones lejn l-ibliet ta’ xulxin – bl-Iżraeljani mill-ġdid jolqtu diversi zoni sensittivi f’Tehran u l-madwar.
Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni kapaċi taqleb sew għall-agħar fost is-sinjali li l-Istati Uniti qed tikkunsidra li tissieħeb f’dan il-konflitt fuq in-naħa ta’ Iżrael. Dan meta l-President Amerikan, Donald Trump, qed jaqbel mal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, li l-Iran, taħt l-ebda ċirkustanzi, ma jista’ jilħaq il-livell ta’ potenza nukleari.
Ir-rapporti qalu li Trump jista’ qed jevalwa wkoll sensiela ta’ attakki preċiżi fuq il-faċilitaiet nukleari tal-Iran u meta l-President, fl-aħħar sigħat, kellu taħditiet fit-tul mal-Uffiċjali ewlenin tal-qawwiet Amerikani.
Fl-istess ħin, mifhum li diversi politiċi Amerikani ta’ profil għoli qed jippruvaw jipperswadu lil Trump biex ma jidħolx f’din il-gwerra.,
L-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani fl-aħħar sigħat laqtu diversi bażijiet militari fl-Iran – bl-aktar attakki sinifikanti jikkonċentraw fuq faċilità għall-irraffinar tal-uranju u diversi siti għall-produzzjoni tal-missili.
Intant, id-diversi bnadi ta’ Tehran qed ikomplu jitheżżu bl-isplużjonijiet u meta eluf ta’ residenti qed jaħarbu mill-kapitali – sitwazzjoni karatterizzata mis-sriebet tat-traffiku ġġammjati u bin-nies jinkwetaw li kapaċi jispiċċaw mira diretta għar-rejds kontinwi tal-qawwiet tal-ajru Iżraeljani.
Sadanittant, il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, qal li l-involviment tal-Istati Uniti fil-gwerra bilfors għandha twassal għal ‘riperkussjonjiet irriversibbli u inevitabbli’.
Khamenei qal ukoll lil-Iran qatt mhu se jaħfer lil Iżrael għall-azzjonijiet ostili tiegħu waqt li qal li l-Iżraeljani ‘iridu jpattu għall-iżball kbir li wettqu’.
U minkejja li l-qawwiet militari tal-Iran sofrew telfiet kbar ħafna fost l-aħħar jiem tal-offensiva minn Iżrael, Khamenei wissa li l-qawwiet u l-poplu tiegħu huma lesti biex jiddefendu arthom ‘sal-aħħar nifs’.
//= $special ?>