Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ħassret sentenza ta’ ħtija kontra Ayub Ali Khan Mohammed, wara li qieset li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li l-akkużat kellu intenzjoni kriminali.
Mohammed kien ġie kkundannat sentejn ilu b’18-il xahar ħabs sospiżi u multa ta’ €2,400, wara li nstab ħati li ħasel il-fondi li kienu frott ta’ scam ta’ mħabba (romance scam). Iżda l-Qorti tal-Appell waslet għall-konklużjoni li r-raġel kien aġixxa b’bona fede u li kien ġie mqarraq minn sieħbu, magħruf bħala Godwin.
Skont il-provi, Godwin kien qal lil Mohammed li l-karta ta’ kreditu bankarju tiegħu kien skada u talab permess biex juża l-kont Revolut ta’ Mohammed sabiex idaħħal somma ta’ €2,430, li allega li ġiet mingħand oħtu. Mohammed la ma kien jaf bil-frodi u lanqas ma suspettaha.
L-Imħallef Scerri Herrera rrimarkat li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li l-akkużat kien jaf, jew kellu jagħraf, li l-fondi kienu ġejjin minn attività kriminali. Fis-sentenza tagħha, l-Qorti qalet: “Dan jidher li hu każ ta’ bona fede li mar ħażin. L-akkużat kien fdat f’sieħbu u ried jgħinu, mingħajr ma qatt suspettah li kien involut f’attività kriminali.”
Mohammed kien assistit mill-avukati Jacob Magri u Roberto Montalto, li sa mill-ewwel instanza kienu sostnew li l-klijent tagħhom kien vittma ta’ qerq minn Godwin. Wara li eżaminat il-provi u s-sitwazzjoni personali tal-akkużat, il-Qorti tal-Appell laqgħet l-appell u ħassret is-sentenza ta’ ħtija flimkien mal-pieni kollha imposti fuqu.
//= $special ?>