Il-Qorti ordat il-ħelsien mill-arrest tar-raġel ta’ 39 sena ta’ nazzjonalità Żvediża, wara li tressaq akkużat b’żewġ każijiet separati ta’ allegata vjolenza domestika kontra s-sieħba tiegħu. Il-każ jikkonċerna allegazzjonijiet li seħħew fl-istess ġimgħa, fosthom wieħed fil-15 ta’ Ġunju u ieħor erbat ijiem qabel.
L-akkużat, li jgħix f’San Ġiljan, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Skont dak li ntqal fil-Qorti, huwa kien mar volontarjament jagħti ruħu b’idejh fl-Għassa tal-Pulizija qabel ġie arrestat. Waqt li kien qed jitressaq il-Qorti, id-difiża, immexxija mill-avukati Francesca Zarb u Marcus Degiorgio, talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Bħala parti mill-argumenti, il-kunjata tal-akkużat ħadet il-ġurament wara li qalet li kienet lesta li tagħti x-xhieda tagħha. Minkejja li kienet konxja mill-akkużi kontra r-raġel – li hu mixli li uża vjolenza kontra bintha – xorta offriet li toffrilu akkomodazzjoni matul il-proċess fil-Qorti, u assigurat lill-Maġistrat li kienet lesta timxi mal-kundizzjonijiet kollha imposti mill-Qorti.
Meta mistoqsija jekk hija kapaċi tassigura li l-akkużat jibqa’ joqgħod magħha u ma jiksirx il-kundizzjonijiet, hija wieġbet pożittivament. Il-Qorti staqsiet ukoll dwar ir-relazzjoni bejn il-koppja. Il-kunjata rrakkuntat li kienu għexu magħha għal madwar sitt xhur, u f’dak iż-żmien kienet tinnota li bintha kienet ta’ spiss titlef it-temperament tagħha, tarmi affarijiet u tidħol f’argumenti bla sens.
Żiedet tgħid li kienet ikollha tidħol bejniethom biex twaqqaf lil bintha. “Mhux tort tiegħu,” hija qalet b’ċerta konvinzjoni. Mistoqsija x’kienet tagħmel jekk bintha kellha tmur f’darha waqt li l-akkużat ikun qed joqgħod magħha, hija wieġbet ċar: “Ma niftaħilhiex il-bieb.”
Meta l-Qorti għamlet ir-riflessjonijiet tagħha, li kienet qed titkellem b’dan il-mod fuq bintha stess, il-mara rrispondiet b’mod kategoriku: “Iva, għax hi miġnuna. Iġġieldet ma’ kulħadd.”
Il-Maġistrat Viktor Axiak, wara li sema’ x-xhieda u l-argumenti legali, laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, foshom dik li l-akkużat ma jistax jersaq lejn l-allegata vittma jew jikkomunika magħha b’xi mod u li jmur fir-residenza tagħha f’San Ġiljan; jiffirma darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija f’Birkirkara; jattendi kull seduta tal-Qorti li jiġi msejjaħ għaliha; u li jkun marbut taħt garanzija personali ta’ €25,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christian Cauchi u Antonello Magri. Għall-akkużat dehru l-Avukat Francesca Zarb u Marcus Degiorgio.
//= $special ?>