minn Liam Sciberras
President Kulleġġ Kunsillieri Lokali
Partit Nazzjonalista
Fl-10 ta’ Ġunju 2025, Bernard Grech ħa din id-deċiżjoni meta ħabbar li se jirreżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni.
Din ma kinitx biss aħbar ta’ impatt fuq il-ġlieda politika, imma wkoll riflessjoni fuq tmexxija li għal snin sħaħ ippruvat tgħaqqad, tibni u tittrasforma.
Bernard Grech daħal fil-politika nazzjonali f’mument ta’ sfida kbira għall-Partit Nazzjonalista. Kien żmien ta’ tħassib intern u pressjoni esterna, fejn il-fiduċja pubblika kienet f’riskju u l-Partit Nazzjonalista kellu bżonn tmexxija soda iżda umana.
Fost dawn iċ-ċirkustanzi, Bernard Grech wera li kellu qalb biex jisma’, viżjoni biex jara ’l bogħod, u sens ta’ dedikazzjoni rari li jpoġġi l-ġid tal-partit u tal-pajjiż qabel kollox.
Jiena, bħala Kap tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista, inħossni mweġġa’ bit-tluq tiegħu, imma fl-istess waqt grat ferm għall-fiduċja li wera fija.
Kien hu li tani l-opportunità li mmexxi din l-istruttura importanti li tiġbor fiha l-vuċi tal-kunsilliera f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Din kienet fiduċja li qatt ma ħadt bħala ovvja, u li saħħet fija aktar ir-rieda li naħdem għall-ġid komuni.
Matul is-snin, rajna bosta bidliet taħt it-tmexxija ta’ Bernard. Kellna kampanji elettorali li wrew sens ta’ rinnovament, inkluż riżultati f’elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tal-Parlament Ewropew fejn il-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk mill-Partit Laburista. Aktar minn hekk, irnexxielna mmexxu messaġġ ta’ serjetà u valuri. Għalkemm għad hemm ħafna x’isir, Bernard għamel dak li seta’ biex jara lill-partit jerġa’ jikseb l-identità tiegħu bħala forza pożittiva fil-politika Maltija.
Inkunu realistiċi
Irridu nkunu realistiċi. L-istħarriġ reċenti jindikaw li għad għandna triq twila x’nimxu. Bernard stess irrikonoxxa dan. Għalhekk, id-deċiżjoni li jirriżenja ma kinitx ġejja minn pressjoni, imma minn sens ta’ responsabbiltà. Kien qed jaħseb mhux għalih innifsu, imma għall-partit u għal pajjiżna u ta’ dan ngħidlu ‘Grazzi’. Din hija l-akbar prova ta’ tmexxija vera – meta tmur pass lura għall-ġid ta’ kulħadd.
Il-laqgħa tal-Eżekuttiv
Nhar il- 11 ta’ Ġunju 2025, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista beda proċess demokratiku biex jintgħażel Kap ġdid għall-Partit. Hawnhekk irridu nuru maturità, għaqda u viżjoni. Il-mexxej li jmiss irid ikollu/jkollha l-kuraġġ li jkompli jibni fuq dak li ħalla Bernard. Irid jisma’ lill-bażi, jifhem l-aspettattivi tan-nies, u jaħdem għall-komunità kollha tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kunsillieri lokali għandhom sehem kruċjali f’dan. Aħna fil-lokal nafu x’inhu t-tħassib tan-nies minn jum għal jum. Għalhekk nistennew li l-mexxej li jmiss jagħraf dan il-potenzjal u jaħdem id f’id magħna biex verament inkunu forza ta’ bidla u ġid.
Nixtieq ukoll inwassal messaġġ ta’ tama u t-tama tiegħi hija li min jieħu t-tmexxija jkun lest mhux biss li jmexxi, imma li jisma’, li jservi, u li jpoġġi l-interess tal-partit u tal-pajjiż l-ewwel. Il-ġejjieni tal-PN jiddependi fuq tmexxija li tirrispetta l-wirt ta’ dawk li ġew qabilna, imma wkoll li tkun kuraġġuża biżżejjed biex twettaq bidliet fejn hemm bżonn.
Fl-aħħar nett, Bernard, grazzi. Grazzi talli emmint fija. Grazzi talli wassalt l-għaqda. Grazzi talli wrejtna li l-politika tista’ tkun umana, ġusta u nobbli. Il-wirt tiegħek huwa prezzjuż u rridu nibqgħu nibnu fuqu.
Nagħtuk is-saħħa u nawgurawlek l-aħjar fil-ħajja privata tiegħek. U għalina li nibqgħu fuq quddiem nett tal-ħidma, ejjew nimxu ’l quddiem b’rispett, għaqda u ħeġġa ġdida.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Ġunju, 2025
//= $special ?>