Opinjoni

OPINJONI: Grazzi Bernard!

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Lil Bernard Grech sirt nafu qabel sar Kap tal-partit, u kien hemm aktar minn okkażjoni waħda fejn iltqajna u tkellimna fil-privat. Għalhekk nista’ ngħid li bejnietna kien hemm ċerta ħbiberija.

Ħames snin ilu, ħafna kienu qegħdin jaraw l-importanza li l-partit jibdel id-direzzjoni u jkollu Kap ġdid, kif eventwalment ġara, waqt li ħafna baqgħu jemmnu li l-partit seta’ jimxi ’l quddiem jekk kemm-il darba jkun hemm rieda interna. Il-passat huwa li hu, u ma għandix l-intenzjoni li niddiskutih.

Bernard Grech, bħala Kap tal-PN sa mill-2020, minkejja l-bidu diffiċli li kellu jaffronta (u bir-raġun) irnexxielu bil-mod il-mod jifforma identità politika bażata b’konsistenza fuq l-impenn lejn il-prinċipji u l-valuri tal-familja (li hija l-bażi ta’ kollox) li għandu jkollha dritt tgħix f’pajjiż li joffri ħajja ta’ kwalità.

Għal Bernard, kollox għandu jitlaq mill-familja u finalment jasal għand il-familja. Mela, l-argumenti kontinwi u persisteni tiegħu biex il-pajjiż jagħmel passi ’l quddiem, huma dejjem ispirati mill-familja.

Jiġifieri, il-politika li fiha nfittxu li pajjiżna jkollu: ambjent aktar nadif, aktar spazji miftuħa, edukazzjoni li tmiss lil kull tifel u tifla, servizz ta’ saħħa aktar effiċjenti, anqas traffiku, ekonomija li tasal għand in-nies, aktar propjetà affordabbli, sigurtà akbar fit-toroq, soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja, aktar ħin liberu għall-individwu u l-bqija, hija dejjem xprunata mill-familja.

Matul il-karriera tiegħu, minkejja sfidi interni u esterni, u pressjoni fuq diversi fronti, hu rnexxielu jżomm sens ta’ direzzjoni u viżjoni li ħadmet biex il-PN ikollu għan. Jidhirli li Bernard Grech, dan wasslu hemm barra f’kull okkażjoni li kellu, u ttrażmettih f’kull okkażjoni li kellu.

Wieħed mill-aktar mumenti kruċjali fit-tmexxija tiegħu kien is-suċċess fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024. Meta ngħidu suċċess, irridu nifhmu li dan kien l-aħjar riżultat elettorali miksub mill-PN f’kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew minn kemm ilhom isiru mill-2004. Għalkemm ġeneralment l-elezzjonijiet ġenerali jingħataw aktar prominenza, dawn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li jistgħu jidhru bħala ‘mid-term elections’, taw indikazzjoni li l-PN qed jikseb rankatura, fejn wara ħafna u ħafna snin id-distakk bejn il-partiti ewlenin niżel għal 8,000 vot.

F’perċentwali, dan kien qed jagħti rebħa lil-Labour b’45.25% għat-42.02% tal-PN. Kienu wkoll indikattivi li n-nies bdew jaraw alternattiva fil-Partit Nazzjonalista, u dan kien anki rifless fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li fihom il-PN rebaħ diversi lokalitajiet strateġiċi bħal pereżempju Birkirkara, San Pawl il-Baħar, il-Mosta u s-Siġġiewi. Riżultati li wrew bidla fil-mument politiku ta’ Malta.

Dan is-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni, anki jekk ħafna jagħżlu li jinjorawh għall-aġenda politika tagħhom. Bernard Grech adotta approċċ aktar pożittiv, iffoka fuq il-materji l-aktar importanti u tkellem dwarhom f’sens li fehemhom.

Ċertament ħadem bla heda fuq l-għaqda u fuq ir-responsabbiltà fil-komunikazzjoni. Taħt Bernard Grech, rajna tfassil ta’ proposti politiċi realistiċi imma ambizzjużi fl-istess waqt. Pajjiżna jeħtieġ direzzjoni kuraġġjuża, u hu ma ddejjaq qatt jieħu dawn il-pożizzjonijiet.

Importanti li wieħed jinnota li Bernard Grech, minkejja kritika kontinwa li ġie ffaċċjat biha, baqa’ konsistenti mal-prinċipji tiegħu. Hu għażel li ma jsegwix il-politika tal-konfront aggressiv, iżda pprova joffri alternattiva ta’ politika bażata fuq soluzzjonijiet u rispett lejn il-votant. Dan il-mod ta’ tmexxija, għalkemm xi drabi kritikat bħala prudenti żżejjed, wera li jista’ jkun effettiv fi żmien fejn ħafna nies qed ifittxu stabbiltà, serjetà, u sens ta’ maturità fil-politika.

Lil hinn minn kollox, wieħed mill-pilastri prinċipali tal-viżjoni ta’ Bernard Grech kienet l-edukazzjoni. Hu minn dejjem ta prijorità kbira lill-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni f’Malta, mhux biss bħala għodda ta’ tkabbir individwali imma wkoll bħala mezz biex Malta ssir soċjetà aktar ġusta, kompetittiva u sostenibbli.

Dejjem argumenta dwar l-importanza li l-edukazzjoni għandha tinforma daqskemm tifforma lill-individwu, kunċett sempliċi imma effikaċi fl-istess waqt. Hu dejjem saħaq li l-edukazzjoni għandha tkun strument ta’ ugwaljanza, fejn kull tifel u tifla, irrispettivament mill-isfond tagħhom, għandhom jingħataw l-istess opportunitajiet.

F’diversi diskorsi u dokumenti politiċi, il-PN taħt it-tmexxija tiegħu ppropona inizjattivi bħall-inċentivazzjoni għall-edukaturi, titjib fil-faċilitajiet edukattivi, u r-rikonoxximent ta’ tagħlim alternattiv u vokazzjonali. Kien ukoll strumentali biex jgħolli l-livell tad-diskors pubbliku dwar l-importanza ta’ edukazzjoni ċivika, teknoloġika u kritika bħala bażi għal demokrazija b’saħħitha. Dan irridu nirrikonoxxuh u għalih nirringrazzjawh.

Bħala mexxej, Bernard Grech mhux biss wera ħila politika iżda anki sens ta’ integrità personali. Madankollu, ma nistgħux ngħidu li ma sarux żbalji, ma sarux affarijiet li setgħu saru aħjar, però jibqa’ l-fatt li Bernard Grech daħal fix-xena politika bħala Kap tal-PN b’rasu mgħollija, u resaq lejn ir-riżenja tiegħu daqstant ieħor.

Nagħlaq billi nirringrazzjah tas-servizz tiegħu lejn Malta u lejn il-Partit Nazzjonalista, tal-fiduċja u fuq kollox tal-ħbiberija.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 18  ta’ Ġunju, 2025.