Opinjoni

OPINJONI: Kliem mill-inqas

Mill-kantuniera li ninsab fiha nipprova nifhem kemm nista’ nifhem u nħares lejn dak li ġej għalina fil-futur. Għażla ta’ Kap ta’ partit qatt ma kienet faċli

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

  1. Hemm numru ta’ elementi li jvarjaw ukoll skont iż-żmien u ċ-ċirkostanzi. Il-bniedem perfett għadu ma twelidx u wisq inqas dak li kapaċi jkollu l-kunsens ta’ kull persuna fuqu.
    Dak li seħħ tul din il-ġimgħa naħseb li huwa kmieni wisq biex wieħed jasal għall-konklużjonijiet. Però rridu nifhmu li aħna msejħa biex nieħdu sehem fi proċess ta’ għażla ġdida.

Kull persuna

  1. Nittama aktar li dawk li jaħsbu li billi jmaqdru jew jiddenigraw lil ħaddieħor se jieħdu xi punt jifhmu li b’dan ma huma ser jaslu mkien.
    Kull bniedem għandu l-valur sħiħ tiegħu. Kull membru għandu jiġi stmat f’dak li huwa u permess li jieħu sehem fit-triq kompleta.
    L-aħħar appuntament ġieb wisq firdiet u telf ta’ demm prezzjuż. Nifhem li hemm feriti li għadhom ma għalqux. Nifhem li hemm min ħareġ barra u farfar it-trab minn ma’ saqajh.
    Sar diskors żejjed u dan għadu f’moħħ u f’qalb numru ta’ persuni. Proprju għalhekk li din l-opportunità m’għandhiex tintilef u l-biċċiet sħaħ tagħna jiġu lura f’daqqa. Il-mużajk tal-Partit irid jiġi rikompost u dan huwa mument ieħor li ma għandniex nitilfu.

Inħarsu ’l quddiem

  1. F’dan, ċertament nappella għal inqas kuntrasti, inqas taqbiliet żbaljati u aktar unità. Kull parti mill-Partit hija importanti, mhux uħud biss. Kull min kien, kull min għadu u kull min irid isir għandu jkun parti minn dan il-proġett lejn il-futur. Ideat hemm.
    Bnedmin b’ħeġġa, determinazzjoni u esperjenza, ukoll. Ilkoll flimkien irridu nimxu f’din it-triq biex fl-isfida ferm iktar viċina minn qabel li għandna nkunu mhux maqsuma f’biċċiet imma flimkien, f’daqqa. Għandi tama qawwija li dan iseħħ. Għandi tama li lkoll nifhmu li dan huwa l-mument meta l-patrijottiżmu lejn pajjiżna u lejn l-istess Partit li naħdmu fih iġibna f’postna.
    Ma naqtgħux qalbna
  2. Ser ikun hemm min jaħseb li dan mhuwiex favur ħafna tagħna. Jista’ jkun, imma proprju għalhekk irridu naħdmu b’iktar għaqal u intelliġenza.
    L-esperjenza tgħarrfek li kull sitwazzjoni jkollha l-vantaġġi tagħha. Triq tieqaf, telenkahom u taħdem fihom. Dak li jidher mod irridu nibdluh. Iktar u iktar jekk ikollna l-opportunità li b’elezzjoni ġenerali qabel il-mument nibdlu l-Gvern.
    Bil-bnedmin li kellu, il-Partit ikkumbatta diversi sitwazzjonijiet ikkomplikati. Ninsab fiduċjuż li bl-għajnuna ta’ kull persuna dan jista’ jsir. Avolja nifhem is-sitwazzjoni politika kif ukoll dik storika, xorta f’dan m’għandniex b’xi mod naqtgħu qalbna.

Jista’ jidher

  1. Jista’ jidher li qegħdin f’pożizzjoni drammatika. Biss irridu nifhmu wkoll li nistgħu nrenduha l-kontra. M’hemmx bżonn formoli kkumplikati jew programmi elettorali li ma jispiċċaw qatt. Hemm bżonn il-politika: sempliċi u ordinarja li fiha ġġib lill-bnedmin iktar f’daqqa fil-proċess li nbeda.
    Inħarsu iktar lejn il-futur li ġej u nagħrfu li kull pass, kull kelma, kull azzjoni rridu nżommu fiha l-ħsieb li din tista’ tkabbar jew tnaqqas l-okkażjoni li jinbidel il-Gvern.
    Tiltt leġiżlaturi huma ta’ piż politiku. Għaddejna minnu aħna. Li jkun hemm ir-raba’ waħda, ferm ikbar bil-konsegwenzi.

Bidla

  1. Nappella biex ħadd ma jaqta’ qalbu. Nappella biex l-esperjenza politika ta’ ebda persuna, Kap jew Deputat, b’xi mod jintilfu.
    Nappella għal inqas diskors, wisq inqas dak vojt jew żejjed. Nappella li nifhmu li pajjiżna qiegħed isejħilna biex nassiguraw il-bidla li hemm bżonn.
    F’dan għalhekk nappella għal ferm iktar għaqal, perseveranza u determinazzjoni u ma’ dawn nappella wkoll, iktar u iktar, għal kliem mill-inqas.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15  ta’ Ġunju, 2025.