minn Albert Buttigieg
Shadow Minister għall-Familja
u s-Solidarjetà Soċjali
Dan l-aħħar kellna l-konklavi fejn intgħażel il-267 suċċessur ta’ San Pietru.
Imma qabel mal-kardinali ngħalqu fil-Kappella Sistina, kellhom diversi laqgħat ta’ diskussjoni bejniethom li fihom mhux biss jisimgħu lil xulxin u jagħmlu eżami ta’ fejn qegħda preżentament il-Knisja imma anke jiddiskutu fejn jixtiequ li l-Knisja timxi fil-futur.
Dan ifisser li qabel ma jiddeċiedu fuq min se jmexxi d-dgħajsa ta’ Pietru, l-ewwel jaqblu f’liema direzzjoni jridu li din id-dgħajsa tmur.
Għaliex qiegħed ngħid dan?
Fil-ġranet li ġejjin, il-PN se jkun qed jagħmel il-konklavi tiegħu biex jaħtar Kap ġdid wara r-riżenja ta’ Bernard Grech.
Nemmen li jkun tajjeb jekk il-PN jieħu spunt minn kif jitmexxa l-konklavi tal-Knisja, jiġifieri qabel ma wieħed jagħżel jew isemmi min jista’ jidħol għal din ir-responsabbiltà, ikun aktar għaqli li wieħed jara f’liema direzzjoni jrid imur il-PN.
Fi kliem ieħor, il-PN fejn jista’ jagħti l-kontribut tiegħu lill-pajjiż? X’inhi l-identità tal-PN? Liema valuri politiċi se jkunu qegħdin jiggwidawh? Il-PN se jkun photocopy tal-Labour? Se jkun konservattiv, ċentrist, xellugi, lemini jew liberali? X’inhi l-viżjoni għall-futur?
Hu fatt li d-demokrazija hi b’saħħitha daqskemm ikun hemm Oppożizzjoni b’saħħitha! Min qiegħed jifraħ b’dak li ġara juri biss mhux biss immaturità politika imma ma fehemx xi tfisser l-interess tan-nazzjon!
Imperattiv li dawn il-mistoqsijiet isiru fl-istrutturi uffiċjali aktar milli fil-widnejn. Dan ifisser li qabel mal-PN jibda jew jiftaħ il-proċess għall-ħatra ta’ Kap, ikun għaqli li joħloq spazji u ħin biex wieħed jiddiskuti u jitkellem.
Dan għandu jsir bil-kalma, b’rispett lejn ideat varji u bi prudenza.
Tliet prinċipji
Għal darb oħra, nitgħallmu mill-konklavi. Hu fatt magħruf li dawk il-kardinali li waqt dawn id-diskussjonijiet li jsiru qabel il-konklavi jagħmlu ħoss, jispiċċaw jibqgħu l-art! Donnu l-kardinali jagħrfu min qed jimbotta l-aġenda personali tiegħu u min verament irid il-ġid lill-Knisja! Għalhekk jgħidu ‘wieħed jidħol bħala Papa u joħroġ bħala kardinal’!
Personalment inħoss li d-direzzjoni tal-PN bħala gvern alternattiv għandha tkun mibnija fuq tliet prinċipji, fost oħrajn. Dawn huma:
Il-governanza tajba. F’dawn l-aħħar tnax-il sena kellna skandlu wieħed wara l-ieħor. Kważi kważi l-iskandli saru mod normali kif wieħed imexxi l-pajjiż. Il-PN irid joffri viżjoni ċara li se jkun qiegħed jamministra l-pajjiż b’mod onest u verament trasparenti. Jekk aħna membri fl-Unjoni Ewropea, wasal iż-żmien li mmexxu pajjiżna bħala pajjiż Ewropew mhux biss meta jaqblilna, imma dejjem!
L-ambjent fil-wisa’ kollu tal-kelma. L-ambjent hu l-futur tagħna. Huma diversi ċittadini li qegħdin iħossu li ma nistgħux nibqgħu nagħtu bis-sieq lill-ambjent. Il-kwistjoni li kellna dan l-aħħar dwar Manoel Island u ta’ Villa Rosa juri biċ-ċar li ċ-ċittadini qegħdin isiru aktar konxji mill-importanza tal-ambjent. Imma l-ambjent ma jfissirx biss il-kostruzzjoni imma anke l-arja, in-natura, il-klima u l-baħar eċċ.
Il-ġustizzja soċjali. Filwaqt li ma jistax ikun li s-sinjur ikompli jsir sinjur u l-fqir isir fqir, irridu naraw li naħdmu għal soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar ġusta. Dan ifisser li rridu nagħmlu politika soċjali aktar robusta li tkompli ssaħħaħ il-caring society tagħna. Irridu li ħadd ma jibqa’ lura jew inkella jħossu barrani f’daru stess.
Wara li jsiru dawn id-diskussjonijiet, imbagħad il-PN jista’ jidħol f’konklavi u jistaqsi min għandu l-kwalitajiet personali/professjonali u l-esperjenza biex iwettaq dan kollu!
L-għażla tal-Kap – ta’ kull Kap – mhix kuntest ta’ min hu l-isbaħ jew min hu l-aktar popolari fuq il-midja soċjali. Dan mhux kuntest ta’ sbuħija imma hi għażla ta’ min jista’ jkun Prim Ministru ’l quddiem.
Għaldaqstant, l-għażla għandha sseħħ fis-serenità, bil-ħsieb u l-għaqal kollu.
Fl-aħħar nett, nirringrazzja lil Bernard Grech tal-ħidma u d-dedikazzjoni kollha tiegħu!
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>