Paul Pace, ta’ 61 sena, u li huwa l-President tal-MUMN; ċaħad fil-Qorti li b’mod malinn huwa ħa flus f’overtime u meta kien “on call” meta ma kienx ħaqqu u meta wkoll kien fuq vaganza, liema ammont li huma ta’ ftit iktar minn €4,000, u li huwa diġà ħallas lura lid-dipartiment.
Id-difiża qalet fil-Qorti li normalment kawżi bħal dawn jispiċċaw fis-seduti tad-distrett u li anke hemm stanzi fejn dawn jiġu riżolti fl-istess dipartiment. L-Avukat Stephen Tonna Lowell li deher għal Pace, jemmen ukoll li kien hemm pressjoni min-naħa tas-Segretarju Permanenti biex Pace jitressaq il-Qorti.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Monica Vella fejn Pace kien akkużat bi frodi u miżapproprjazzjoni. L-allegazzjoni kienet dwar talbiet foloz għal ħlas supplementari (overtime) u meta kien ikun “on call” inkluż meta kien fuq vaganza.
L-Ispettur Wayne Rodney Borg xehed li f’Settembru tal-2023, il-Pulizija ġew infurmati li Pace seta’ kien qed jirrapporta ħin supplementari li fil-verità ma wettaqx. Tenna li ġie mwaqqaf bord ta’ investigazzjoni li sab li Pace kien qiegħed jagħmel talbiet għal ħin supplementari waqt li kien fuq btala.
Fil-bidu kien deċiż li l-każ kellu jiġi trattat amministrattivament quddiem il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku (PSC). Iżda eventwalment, uffiċjal għoli fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa ddeċieda li l-każ kellu jintbagħat għand il-Pulizija.
Pace ċaħad l-akkużi, u qal li kien hemm żball uman li wassal għal ħlas żejjed ta’ €215 biss. Fuq dan il-każ l-MUMN kienet akkużat lill-uffiċjal ministerjali li deliberatament attakka lil Pace sabiex idgħajjef il-pożizzjoni tal-MUMN waqt negozjati dwar ftehim settorjali.
L-Ispettur Borg qal li Pace li kien spiċċa sospiż għal ħamest ijiem mix-xogħol. Il-każ kien f’idejn il-Ministeru tas-Saħħa f’Awwissu 2023, iżda l-Ministeru mexa fuq parir legali u mhux b’passi dixxiplinarji. L-Investigazzjoni saret dwar is-snin 2021, 2022, u 2023.
Il-Pulizija talbet records mingħand Mater Dei, u saru verifiki ta’ attendenza u ħlasijiet. L-Ispettur Borg kompla jgħid li skont l-evidenza, kien hemm ħlasijiet mhux dovuti: 17-il okkażjoni fejn ħadem jew kien irrappurtat li ħadem waqt li ma kellux dritt.
U li b’kollox kien ħa €2,607.62 f’overtime mhux dovut. u €1,488.36 f’allowance “on-call” żejda. Total globali mhux dovut stmat ta’ €4,096.67, li diġà ġie rritornat. Pace ammetta li sar żball, u li mhux hu kellu jiċċekkja, iżda minn naħa tal-finanzi tal-Gvern.
L-Ispettur Borg qal li Pace wera kooperazzjoni sħiħa mal-Pulizija. L-iskrutinju nbena fuq il-fatt li Pace kien qed jimla l-on-call allowance hu, waqt li overtime jiġi kkontrollat. Mix-xhieda ħareġ li il-każ ġie eskalat għal FCID (Financial Crimes Investigation Department) anke jekk l-ammont kien relattivament żgħir.
Hawn l-Avukat Stephen Tonna Lowell waqt li kien qed jagħmeil il-kontroeżami lix-xhud qal li l-Permanent Secretary għamel pressjoni biex jitressaq il-każ, wara li dan ħareġ fil-midja, fejn dwar dal li nħareġ fil-midja kien ikkonfermat mill-Ispettur.
L-Income tax u NI (National Insurance) kienu inklużi fl-ammont, qal, li diġà ġew imħallsa qal l-Avukat Difensur. Fejn hawn ġie allegat ukoll li kien hemm kontroll mhux adegwat mill-Gvern fuq time-sheets.
Matul is-seduta introduttorja, il-Qorti innotat li hi, il-prosekuzzjoni u d-difiża qatt ma ġew infurmati uffiċjalment bil-bidla fil-Qorti, u lanqas instabet dokumentazzjoni relatata. Minkejja dan, il-partijiet kollha qablu li l-każ jista’ jkompli jitmexxa minn Vella. U dan kollu għax il-każ kien se jinstema’ quddiem Qorti oħra.
F’dan l-istess każ, ġew ippreżentati dettalji dwar investigazzjoni amministrattiva u kriminali li involviet lil Paul Pace, li allegatament kien qed jirċievi allowances waqt li kien fuq btala jew mawriet barra minn Malta. Skont ir-rapporti, l-investigazzjoni bdiet fl-2023 wara rapporti fil-midja u interess dirett mill-Permanent Secretary fil-Ministeru tas-Saħħa.
X’ġara skont l-investigazzjonijiet
L-Ispettur Borg qal li kumpanija privata ġiet ikkunsidrata biex tagħmel analiżi dettaljata tal-ħlasijiet, b’koperazzjoni mid-Dipartiment ta’ Mater Dei u mid-Dipartiment tal-Finanzi. Fost id-diskrepanzi, ġie innutat li Pace kien jimla l-on-call allowance hu stess, filwaqt li l-overtime kien isir b’kontroll estern.
Skont il-Pulizija, Paul Pace ammetta li sar żball iżda tenna li mhux kien f’dmiru li jiċċekkja dawn il-pagamenti – argument li jressaq il-fatt li kellu jkun id-dipartiment tal-Gvern li jivverifika l-ħlasijiet. F’Marzu li għadda, waqt interrogazzjoni, Pace qal li ħallas lura l-ammont dovut u esprima li lest li jikkopera mal-awtoritajiet.
L-akkużi kontrih xorta qed jiġu kkontestati, minkejja li d-difiża qalet li l-ħlas lura sar b’mod volontarju u mingħajr pressjoni. Dan il-każ qajjem tħassib dwar il-kontroll intern fuq il-pagi tal-impjegati pubbliċi, speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn l-istess uffiċjali jimlew ċerti partijiet tal-timesheets tagħhom stess.
Ġie kkonfermat li l-ammonti kienu gross – jiġifieri kienu jinkludu income tax u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
Il-Qorti mistennija tkompli tisma’ x-xhieda fl-1 ta’ Lulju li ġej.
//= $special ?>