Lokali

Sentenza sospiża wara li aggrediet lil oħtha

Ġermaniża ta’ 49 sena ġie kkundannata sena ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammettiet quddiem il-Maġistrat Viktor Axiak, li f’żewġ okkażjonijiet ħebbet għal oħtha fir-residenza tagħha f’San Pawl il-Baħar. Il-Qorti ordnat li l-ismijiet tal-aħwa ma jiġux imxandra fuq il-mezzzi tax-xandir.

Il-mara li hija minn Frankfurt ammettiet li kkaġunat biża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront ta’ oħtha u li kkaġunatilha feriti ħfief. L-argument kien wieħed familjarji marbut mal-qagħda soċjali tal-ħatja, li qalet li ma taħdimx.

Hija qalet li ilha Malta sa minn nhar il-Ġimgħa, u li kienet lesta tmur lura pajjiżha. Ingħad fil-Qorti mill-Avukat Marie Claire Ellul li dehret għan nom tal-vittma, li l-klijenta tagħha kienet se tħallsilha l-biljjett tal-ajru biex tmur pajjiżha. Il-mara ammettiet ukoll li inġurjat lil oħtha u li kissret il-bon ordni u l-paċi pubblika.

Il-partijiet qablu li l-mara għandha tingħata sentenza sospiża bil-prosekuzzjoni tissuġġerixxi piena ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Id-difiża filwaqt li qablet li l-akkużata tingħata sentenza sospiża imma b’ inqas severità.

Il-Qorti, għaldaqstant, filwaqt li kkundannata għal sena ħabs sosipiżi għal tliet snin. ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christian Cauchi u Antonello Magri.

Għall-mara deher l-Avukat Victor Bugeja, bħala avukat tal-għajnuna legali filwaqt li Avukat Marie Claire Ellul dehret bħala parte civile.