Peter Paul Debrincat ta’ 63 sena mir-Rabat Għawdex, ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li weġġa’ gravi raġel wara li sawtu b’injama, li heddu u kiser il-paċi pubblika. Il-każ seħħ fil-21 ta’ Marzu, fin-Nadur.
Il-Qorti ta’ Għawdex semgħet kif il-vittma mar l-għalqa tiegħu fin-Nadur flimkien ma’ surveyor. Waqt li dawn kienu fl-għalqa, Debrincat avviċina lir-raġel u qallu li dik l-għalqa li kienu fiha kienet tiegħu. Dan ir-raġel wieġbu lura u staqsieh minn fejn ġabha l-għalqa.
Dak il-ħin Debrincat tah daqqa ta’ ponn fuq ħalqu. Wara mar l-għalqa tiegħu, qabad injama kbira u mar għal raġel u tah daqqa biha f’rasu. Il-vittma pprova jilqa’ d-daqqiet u għalhekk weġġa’ jdejh ukoll. Instema’ li r-raġel u s-surveyor telqu minn fuq il-post u l-ħati baqa’ joffendih u jheddu li se jqattgħu biċċiet. Il-vittma spiċċa biex mar l-isptar u ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Min-naħa tiegħu Debrincat ammetta kemm mal-Pulizija kif ukoll fil-Qorti. Wara li sema’ dan kollu l-Maġistrat Jean Paul Grech, sabu ħati u peress li l-kondotta tiegħu hija waħda nadifa, is-sentenza ta’ priġunerija ġiet sospiża, Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma.
//= $special ?>