Lokali

Workshops kreattivi tal-arti għal persuni li esperjenzaw vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u vjolenza domestika

LGBTI+ Gozo ħabbret it-tnedija ta’ proġett bl-isem Safe Spaces, Strong Voices: Art for Empowerment. Din l-inizjattiva tinkludi sensiela ta’ workshops bla ħlas u kunfidenzjali, magħmulin għal persuni li esperjenzaw vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u vjolenza domestika, biex jużaw l-espressjoni kreattiva permezz tal-arti u n-nsġir tradizzjonali Malti bħala mezz ta’ fejqan, tisħiħ, u bini ta’ komunità.

Dawn il-workshops tal-arti joffru lill-parteċipanti opportunità biex jesploraw u jiżviluppaw ħiliet artistiċi li jistgħu jsaħħu l-istat emozzjonali, is-self-esteem kif ukoll l-espressjoni individwali. L-għan tagħhom huwa li jnaqqsu l-iżolament u l-mistħija li ħafna drabi jiġu kkawżati mill-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u vjolenza domestika, billi jrawmu rabtiet bejn individwi b’esperjenzi simili, u fl-istess ħin jibnu għaqda bejn NGOs lokali u l-komunitajiet li jagħqdu.

Permezz ta’ espressjoni artistika, dawn il-workshops se joffru spazju sigur għall-persuni li esperjenzaw il-vjolenza flimkien ma’ ħiliet kreattivi waqt il-vjaġġ ta’ fejqan.

Se jkun hemm żewġ tipi ta’ workshops li se jsiru bejn il-21 ta’ Ġunju u d-27 ta’ Settembru:

Workshops tal-arti mmexxija minn Abi MacLeod (li huma miftuħa wkoll għal tfal u żgħażagħ)

Workshops ta’ Nsġir immexxija minn Alda Bugeja

Din l-inizjattiva tilqa’ b’mod speċjali parteċipanti minn sfondi u intersezzjonijiet diversi – inklużi individwi LGBTIQ+, migranti, persuni b’diżabbiltà, u nies li qed jiffaċċjaw vizzji jew emarġinazzjoni soċjali. L-attivitajiet kollha huma bla ħlas u l-kunfidenzjalità hija mħarsa b’mod strett.

LGBTI+ Gozo jemmnu fil-qawwa trasformattiva tal-arti. Dan il-programm joffri lill-persuni li esperjenzaw vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u vjolenza domestika spazju fejn joħolqu, imma wkoll l-opportunità li jerġgħu jingħaqdu magħhom infushom u ma’ ħaddieħor permezz ta’ espressjoni kreattiva u fejqan.

Il-formola ta’ reġistrazzjoni kunfidenzjali b’aktar dettalji dwar l-inizjattiva tista’ tinstab hawn:
https://forms.gle/9K9MHzPsuJ4em5eK7, u għal aktar informazzjoni tista’ tibgħat email fuq: lgbtigozo@gmail.com