Ambjent Lokali

Zona oħra ġiet magħluqa għall-għawm minħabba drenaġġ

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza għas-Saħħa Pubblika avża li sakemm joħroġ avviż ieħor mhux rakkomandat li jsir għawm f’Tas-Sliema minħabba drenaġġ li sejjer fil-baħar miż-żona ta’ Chalet. Dan minħabba li d-drenaġġ jista’ jaffettwa l-kwalità tal-ilma tajjeb għall-għawm u li jippreżenta riskju għas-saħħa tal-għawwiema.

L-uffiċjali, bl-assistenza ta’ uffiċjali tal-Waste Water Unit fi ħdan il-Water Services Corporation, investigaw il-każ u f’qasir żmien ġie kkonfermat li s-sors kien ġej minn ħsara fis-sistema tad-drenaġġ ta’ stabbiliment privat li jinsab fil-viċinanza.

Il-każ ser jibqa’ jiġi segwit mill-uffiċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali.

Din hija t-tieni bajja li ingħalqet għall-għawm dan is-sajf.