Żviluppi ġodda u interessanti fil-klann ta’ Stade Reims li forsi jistgħu jaraw tibdil fir-relazzjoni bejn il-captain tat-tim, l-internazzjonali Malti, Teddy Teuma u l-klabb Franċiz.
Il-Belġjan ta’ 43 sena, Karel Geraerts, hu l-kowċ il-ġdid ta’ Stade Reims, wara li kien deċiz li Samba Diawara ma jibqax fit-tmexxija tal-iskwadra. Diawara, li baqa’ jwebbes rasu u eskluda għal kollox lil Teuma mit-tim, ma rrnexxilux iwassal lil Stade Reims biex isalvaw posthom f’Ligue 1 ta’ Franza.
Il-Presidenza ta’ Jean-Pierre Caillot għażlet lil Geraerts bħala l-kowċ suċċessur u se jkun interessanti sabiex naraw jekk din il-bidla fit-tmexxija hix se tgħin biex Teuma jibqa’ jew le ma’ Stade Reims. Dan għaliex Geraerts u Teuma diġà ħadmu flimkien fil-passat riċenti, meta t-tnejn li huma kienu ma’ Union Saint-Gilloise.
Il-partitarji ta’ Stade Reims qed jittamaw li r-relazzjoni tajba li teżisti bejn il-kowċ u l-captain tat-tim, tgħin biex Teuma jibqa’ mal-klabb anke jekk issa se jilagħbu f’Ligue 2. Madankollu, biex Teuma jibqa’ ma’ Stade Reims jidher li jrid ikun hemm kunsens bejn it-tmexxija ta’ Caillot u l-internazzjonali Malti.
Fil-veritá d-diżgwid li kellu Teuma ma’ Stade Reims kien imur lil hinn minn sempliċiment nuqqas ta’ qbil li seta’ kien hemm bejn il-Malti u l-eks kowċ Diawara, iżda finalment kienet għażla li Caillot kien qed jimponi fuq l-iskwadra u li minħabba f’hekk Teuma kien qed jitħalla barra minn kwalunkwé għażla teknika.
Għaldaqstant, bi Stade Reims f’Ligue 2, b’Teuma għadu marbut b’kuntratt mal-klabb u issa b’kowċ li jaf sew il-ħiliet tajba, speċjalment dawk ta’ captain li għandu l-midfielder internazzjonali Malti, se jkun interessanti biex wieħed jara x’se jkun il-futur tal-eks plejer ta’ Union Saint-Gilloise.
//= $special ?>