Lokali Qorti

George Degiorgio jitlob biex jixhed dwar min verament wettaq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Accept Analitiċi cookies to view the content.

George Degiorgio, wieħed mit-tlett irġiel ikkundannati għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ressaq rikors urġenti quddiem il-Maġistrat Viktor G. Axiak, fejn esprima x-xewqa li jipprovdi informazzjoni kruċjali taħt ġurament dwar min verament wettaq jew kien involut fil-qtil.

Degiorgio, li bħalissa qed iservi sentenza ta’ 40 sena priġunerija wara li ammetta li kien l-awtur tal-omiċidju, qal li m’għandu l-ebda interess personali minn din l-informazzjoni, u mhux qed jitlob ebda vantaġġ.

Skont hu, dan qed jagħmlu biex ikun assigurat min hu tassew involut jiġi proċessat, u min m’għandux x’jaqsam ma jibqax inkarċerat b’inġustizzja. Ir-rikors jgħid li waqt proċeduri kriminali riċenti – li ma kellhomx rabta diretta mal-qtil ta’ Caruana Galizia – kien hemm koakkużati li ttieħdu passi kontrihom f’rabta mal-istess bomba li qatlet lill-ġurnalista.

Eżattament mal-qari tal-verdett, Degiorgio dar lejn l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u qallu li l-ġustizzja ma kienetx saret, u li xtaq jikxef dak kollu li jaf dwar il-bomba. Degiorgio jgħid li jemmen li jekk ma jagħmilx dan il-pass issa, il-verità qatt ma toħroġ u l-ġustizzja qatt ma ssir kif suppost.

Fid-dawl ta’ dan kollu, George Degiorgio qiegħed jitlob li tiġi appuntata seduta mill-aktar fis, sabiex ikun jista’ jagħti din l-informazzjoni taħt ġurament quddiem il-Maġistrat Axiak. Ir-rikors jiddikjara li huwa lest jikkonferma kollox bil-ġurament, u jagħmel dan skont kwalunkwe kundizzjoni li l-Qorti tara xierqa.

It-talba saret f’isem Degiorgio mill-avukati tiegħu, Noel Bianco u Leslie Cuschieri.