Lokali Qorti

Ikomplu l-protesti minn naħa ta’ Daniel Muka fil-ġuri dwar il-qtil doppju f’Tas-Sliema

Il-ġuri kontra Daniel Muka, ta’ 30 sena, u Viktor Dragomanski, ta’ 41 sena, reġa’ beda fuq sieq ħażina l-Ħamis filgħodu Muka, irrifjuta li jidħol fl-awla u aktar tard ġie ordnat jiddaħħal bil-forza mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras.

Wara li ġie mġiegħel jidħol, Muka kompla jipprotesta, u b’vuċi għolja sostna li l-Avukat Josette Sultana mhijiex l-avukat tiegħu, minkejja li hi qed isservi bħala avukata ta’ għajnuna legali. Muka irrifjuta joqgħod bilqiegħda u ma ħalliex lill-Qorti tkompli bil-proċeduri, tant li l-Imħallef kellha tagħti struzzjoni biex jiġi meħud barra mill-awla u jsegwi l-proċess mill-kamra ta’ wara l-awla permezz ta’ monitor.

Il-ġuri qed jinstema’ fil-konfront tal-akkużati dwar l-assassinju ta’ Christian Pandolfino, ta’ 58 sena, u Ivor Maciejowski, ta’ 30 sena, li nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar fid-dar tagħhom fi Triq Locker, Tas-Sliema, fl-18 ta’ Awwissu tal-2020.

Iż-żewġ akkużati qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontrihom. Il-ġurija hi komposta minn ħamest irġiel u erba’ nisa. L-ewwel xhud mgħajjat mill-prosekuzzjoni huwa l-espert fil-forensika diġitali l-Avukat Martin Bajada.

Dr Bajada xehed li kien nħatar bħala espert mill-qorti biex janalizza d-dejta diġitali relatata mad-delitt li seħħ fit-18 ta’ Awwissu ta’ ħames snin ilu. Hu spjega li kien issejjaħ fuq il-post fid-dawl tal-investigazzjonijiet preliminari u nnota li kien hemm sistemi ta’ CCTV fis-sit. Ix-xogħol tiegħu kien li jiġbor u jestratta l-filmati miġburin minn dawn il-kameras.

Il-ġurati ġew ipprovduti kopji tar-rapport tekniku li ħejja Dr Bajada, li fih hemm lista dettaljata tal-apparat diġitali li minnu nġabret id-dejta — fosthom hard drives u apparat ieħor relatat. Matul il-kontro-eżami, l-Avukat Kevin Valletta rreferi għal paġna speċifika tar-rapport. Dr Bajada kkonferma li l-filmati li nġabru ġew trasferiti lill-Pulizija bħala parti mill-proċess investigattiv.

Ix-xhieda ta’ Dr Bajada hija kruċjali biex jiġi stabbilit x’seta’ kien maqbud mill-kameras fis-sit u jekk il-movimenti ta’ persuni suspettati setgħux ġew dokumentati b’mod ċar jew le. L-espert ippreżenta diversi stills mill-filmati lill-ġurati.

Dr Bajada ppreżenta filmati u ritratti miġburin mis-sistemi CCTV tal-inħawi, li juru movimenti importanti relatati mal-lejl tad-delitt. Qal li fi stadju bikri tal-ġurnata, Christian Pandolfino u oħtu dehru flimkien ma’ tfal sejrin jieklu.

Aktar tard, Pandolfino deher jitlaq bil-‘quad bike’ tiegħu u jerġa’ lura lejn id-dar fl-10.10pm. F’parti oħra tal-filmati, karozza bajda tidher tiddawwar fl-inħawi u eventwalment tippakkja fuq in-naħa ta’ fuq ta’ Triq Locker, bi dwal mixgħulin. Il-preżenza ta’ din il-karozza tqajjem suspett, peress li kienet dehret f’diversi ħinijiet iddur madwar iż-żona.

Dr Bajada kompla jispjega li ritratti oħra juru l-ewwel persuna tidħol fir-residenza ta’ Pandolfino, segwita minn persuna oħra li ħarġet mill-karozza u daħlet ftit wara. Aktar tard, persuna oħra dehret tersaq lejn id-dar mingħajr ma tidħol.

Madankollu, l-espert innnota li f’dak il-punt, il-kwalità tar-ritratti u l-filmati ma kinitx daqshekk ċara, u għalhekk ma setax jagħti identifikazzjoni definittiva ta’ kull individwu. Fl-aħħar, ritratt ieħor juri tliet persuni jitilqu mill-post, fil-ħin viċin il-mument tal-qtil.

Matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu baqgħu jintwerew filmati u ritratti meħuda minn cameras tas-CCTV. L-espert forensiku Dr Martin Bajada,  wera wkoll filmati li juru karozza bajda, li allegatament kienet dik użata mis-suspettati, tgħaddi minn Triq Locker għal diversi drabi għall-ħabta tad-9.30pm. tat-18 ta’ Awwissu 2020.

Skont Dr Bajada, il-karozza baqgħet iddur fil-viċinanzi sakemm finalment wasal fil-post il-quad bike li kien qed isuq Christian Pandolfino. Il-moviment tal-karozza qabel id-delitt qed jitqies bħala indikattiv ta’ sorveljanza jew stennija.

Fil-10.47pm., wieħed mill-filmati juri persuna tidħol fir-residenza ta’ Pandolfino, segwita ftit wara minn persuna oħra. Aktar tard, tidher persuna oħra tidħol fl-ewwel parti tad-dar, magħrufa bħala l-indana, iżda ma kienx ċar jekk daħlitx ġewwa kompletament.

Skont Dr Bajada, l-akkużati damu ġewwa d-dar madwar erba’ minuti. Filmati juru t-tluq tagħhom fis-10:51pm. Fl-10:54pm., jiġifieri tliet minuti biss wara li ħarġu l-allegati awturi, tidher tasal oħt Christian Pandolfino flimkien mat-tfal tagħha.

Matul is-smigħ fil-Qorti, l-avukat tad-difiża Dr Alex Scerri Herrera, li qed jidher għal Viktor Dragomanski, staqsa lil espert Dr. Martin Bajada jekk hux minnu li ma teżistix evidenza li l-klijent tiegħu kien f’kuntatt ma’ Daniel Muka.

Ix-xhud, wieġeb li ma kellux struzzjonijiet sabiex iwettaq investigazzjoni speċifika dwar jekk kienx hemm komunikazzjoni bejn Dragomanski u Muka. B’hekk, ma ġietx prodotta ebda prova li tgħaqqad direttament lil Dragomanski ma’ Muka f’dan l-istadju tal-proċedimenti.

Wara li temm ix-xhied tiegħu l-espert forensiku Dr. Martin Bajada, telgħu jixhdu s-Surġent Antoine Fenech u l-Kuntistabbli Kristy Cremona. Fenech spjega li huma kienu parti mid-dipartiment tal-forensika u kienu responsabbli biex jiġbru informazzjoni minn kameras tas-CCTV relatati mal-każ.

Fenech qal li d-dokumenti ppreżentati lill-ġurati jinkludu filmati miġbura minn diversi CCTV, li juru karozza bajda fl-inħawi tad-delitt fil-ħin immedjatament wara li seħħ. Il-karozza tidher tterraq f’toroq differenti f’Tas-Sliema, titlaq miż-żona u tinstab eventwalment fil-parkeġġ viċin l-Isptar San Luqa. Il-filmati juru wkoll tliet irġiel mixjin f’direzzjoni li twassalhom sal-kosta tal-Imsida.

Wara xehed is-Supretendent Fabian Fleri li qal li fl-2020, meta kien għadu Spettur fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, rċieva informazzjoni kruċjali dwar il-post fejn kien qed jinħeba Daniel Muka. Fleri spjega li l-informazzjoni li waslet għand il-Pulizija fil-25 ta’ Awwissu 2020 kienet tindika li Muka kien jinsab f’residenza fil-Floriana. Konsegwentement, ġiet ippjanata operazzjoni ta’ arrest li saret fl-1.00 p.m. dakinhar stess.

“Il-pulizija daħlu fir-residenza u sabu lil Muka liebes biss jeans. Huwa ġie immanettjat immedjatament,” qal is-Supretendent Fleri. Żied li fuq Muka instabet pistola Glock 17 li kienet mimlija munizzjon. Il-pistola ġiet żvujtata u mdaħħla f’borża tal-evidenza, u ntweriet lill-ġurati waqt is-seduta.

Meta l-Qorti xtaqet tikkonferma l-identità ta’ Muka, il-ġudikant ordnat biex jittieħed fl-awla. Madanakollu, Muka irrifjuta li jidħol. Supretendent Fleri offra li jidentifikah barra mill-awla, u wara li approvat dan l-Imħallef, mar ħdejh u kkonferma li l-persuna li kien hemm hu kien Daniel Muka.

Fil-kontro-eżami, l-Avukat Alexander Scerri Herrera, li qed jiddefendi lil Viktor Dragomanski, staqsa direttament lil Fleri jekk Dragomanski kienx preżenti fir-residenza mal-mument tal-arrest ta’ Muka. Is-Supretendent wieġeb fin-negattiv.

Wara xehed Kevin Mamo, li dak iż-żmien kien kuntistabbli. Hu tenna li fil-21 ta’ Awwissu, ġie struturat mill-Ispettur James Grech u surġent ieħor biex jgħin fl-investigazzjoni dwar omiċidju doppju li seħħ f’Tas-Sliema. Huwa spjega li mill-ewwel informazzjoni li kellhom, is-suspettati kienu ħarbu minn fuq il-post b’karozza VW Tiguan u li n-numri tar-reġistrazzjoni tal-vettura kienu misruqa.

Mamo għadda biex jispjega l-ħidma li saret mill-Pulizija fuq filmati tas-CCTV, li wasslu biex il-vettura VW Tiguan ġiet lokalizzata. Minn hemm, komplew jinvestigaw il-filmati biex isegwu l-movimenti tat-tliet suspettati.

Wieħed mis-suspettati kien deher jidħol f’kafeterja l-Imsida, fejn talab il-password tal-WiFi u mbagħad mar lejn Tas-Sliema b’taxi. Il-mowbajl li ntuża biex jibbukkja Bolt kien dak ta’ Kristiansen. Mamo kompla jispjega kif sussegwentement, fit-27 ta’ Awwissu, ġew imsejħa għal tfittxija fir-residenza ta’ Viktor Dragomanski.

Matul din it-tfittxija, instabu beritta oranġjo, flokk u żraben – l-istess ħwejjeġ li kien liebes Dragomanski meta deher barra l-ħanur tal-kafe fl-Imsida waqt investigazzjonijiet preċedenti fuq il-filmati tas-CCTV.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Viktor Dragomanski qed ikun difiż mill-avukati José Herrera u Alex Scerri Herrera, filwaqt li Daniel Muka qed jingħata għajnuna legali mill-avukata Josette Sultana. Il-familji tal-vittmi qed ikunu rappreżentati mill-avukati Michaela Giglio u Joe Giglio.

Il-proċess ilu jixpruna ħafna attenzjoni minħabba n-natura gravi tal-akkużi u l-fatt li t-tielet suspettat, Jesper Kristiansen, kien wieħed mill-protagonisti ewlenin tal-każ, u fl-2023 kien ikkundannat għal 40 sena ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil bħala parti minn ftehim mal-prosekuzzjoni.