Lokali Sport

Il-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza se ssir il‑Ġimgħa 18 ta’ Lulju

Il‑BOV Volleyball Marathon b’risq id‑Dar tal‑Providenza reġgħet magħna bi 53 siegħa logħob bla waqfien fil‑parkeġġ tad‑Dar fis‑Siġġiewi. Il-15‑il edizzjoni tal‑Maratona se tkun inawgurata minn Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, nhar il‑Ġimgħa 18 ta’ Lulju fis‑6.30pm u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal‑Ħadd 20 ta’ Lulju. 

40 player, magħżula wara sitt ġimgħat ta’ taħriġ, se jiffurmaw ħames timijiet li se jkunu qed jidħlu għall‑isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob volleyball bla waqfien mhux, għal xi gwadann personali imma biex jagħtu xi ħaġa lil ħaddieħor.

F’diskors qasir li għamel waqt il‑preżentazzjoni tal‑players lill‑midja, Martin Micallef, id-Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, qal li din is‑sena qed jiċċelebraw il‑15‑il edizzjoni ta’ din il‑maratona, kif ukoll is‑60 anniversarju tad‑Dar. Huwa tkellem dwar il‑bżonn ta’ fondi biex id‑Dar tal‑Providenza tkun tista’ tkompli toffri s‑servizzi residenzjali li toffri lil 115‑il persuna. Qal ukoll li d‑Dar tinsab fil‑proċess li tiftaħ aktar djar fil‑komunità. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal din l‑attività biex jissapportjaw lill‑players li b’tant dedikazzjoni u impenn se jkunu qed jidħlu għal din l‑isfida.

F’kumment li ta lill‑meidja, Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal‑BOV, qal li din il‑maratona mhix biss logħba – imma xhieda qawwija tal‑għaqda. Meta l‑isport jitwaħħad mas‑solidarjetà, ikunu qed nibnu Malta b’qalb ikbar. Il‑BOV huwa kburi li jkun ma’ dawk li qatt ma jieqfu jemmnu fil‑ġid komuni.

Il‑Ġimgħa, is‑Sibt u l‑Ħadd filgħaxija, bejn id‑9 ta’ filgħaxija u nofsillejl, se jkun hemm numru sabiħ ta’ kantanti u bands lokali li se jkunu qed idoqqu u jkantaw fuq il‑palk li se jittella’ apposta fil‑parkeġġ tad‑Dar. Il‑Ġimgħa se jdoqqu Zone 5, is‑Sibt, Kantera u l‑Ħadd Spiteri Lucas Band.

Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri:

  • €15 – 5170 2012
  • €25 – 5180 2013
  • €50 – 5190 2070
  • €100 – 5130 2044
  • Pledge Line – 2146 3686
  • BOV Mobile – 7932 4834

Il‑pubbliku jista’ juża wkoll il‑BOV Mobile Banking jew il‑PayPal jew jagħti donazzjoni online fil‑kontijiet bankarji tad‑Dar.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is‑sit: www.sabihlitaghti.org