Il-Malta Bankers’ Association (MBA) ospitat konferenza bit-tema “The Fraud Landscape: Malta and Beyond”. L-edizzjoni tal-2025 saret fix-Xara Lodge, fir-Rabat, u laqqgħet flimkien diversi professjonisti, inklużi regolaturi u operaturi mis-settur finanzjarju lokali u minn barra, biex jiddiskutu l-isfidi urġenti fil-prevenzjoni tal-frodi u l-konformità mas-salvagwardji kontra r-reati finanzjarji.
Il-konferenza fetħet b’diskors minn Kenneth Farrugia, Chair tal-MBA, li ddeskriva l-ġlieda kontra l-frodi bħala “gwerra” kontinwa magħmula minn ħafna “battalji”. Filwaqt li l-eliminazzjoni sħiħa tal-frodi hija impossibbli, huwa enfasizza l-importanza ta’ koordinazzjoni aħjar u salvagwardji aktar b’saħħithom biex jintrebħu battalji individwali. Huwa innota l-bidla minn servizzi bankarji tradizzjonali over-the-counter għall-pjattaformi diġitali, filwaqt li enfasizza kif il-frodisti qegħdin dejjem jadattaw ruħhom b’iktar sofistikazzjoni.
Matul il-konferenza sar ukoll diskors ewlieni mill-Professur Saviour Formosa mill-Università ta’ Malta, li ta ħarsa lejn ix-xenarju globali tal-frodi u l-implikazzjonijiet għal Malta.
Kelliema minn EY Malta u EY UK, Josette Sciortino u James Good, ipprovdew analiżi fil-fond tat-theddid ta’ frodi li jaffettwaw kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-istituzzjonijiet. Sessjoni importanti kienet id-diskussjoni tal-panel, moderata minn Cynthia Borg mill-APS Bank, li ffokat fuq il-bini ta’ approċċ ikkoordinat fil-ġlieda kontra l-frodi f’Malta, b’kontribuzzjonijiet mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, APS Bank plc.
Sessjonijiet oħra inkludew tagħrif minn Yannis Georgantas minn MasterCard dwar ix-xejriet tal-frodi bil-kards, u diskussjoni dwar ir-reżiljenza mmexxija minn James Good minn EY UK u Timothy Zammit minn HSBC Bank Malta plc. Il-konferenza kkonkludiet b’sessjoni dwar azzjonijiet futuri, ippreseduta minn Mark Drago, President tal-Financial and Cyber Crime & Fraud Standing Committee; fi ħdan l-MBA.
Fid-diskors tal-għeluq, is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Karol Gabarretta wissa dwar it-theddida dejjem tikber ta’ frodi permezz tat-teknoloġiji diġitali, filwaqt li innota li l-banek qed jitqiesu dejjem aktar bħala l-“payer of first resort”, perċezzjoni li tirriskja li toħloq ċiklu ta’ ħsara.
Huwa appella għal kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat, filwaqt li faħħar is-sħubija bejn il-pubbliku u l-privat bħala mudell effettiv. Saħaq li hu kruċjali li tingħeleb il-mentalità silo, flimkien mal-indirizzar tal-lakuni leġiżlattivi li joħolqu periklu morali. Huwa enfasizza wkoll ir-responsabbiltà kondiviża biex jitrawwem il-litteriżmu finanzjarju fost il-pubbliku ġenerali u l-ħtieġa għal sforz nazzjonali kkoordinat biex jiġi limitat it-tixrid tal-frodi permezz ta’ riżorsi minn entitajiet regolatorji, ta’ infurzar u tas-settur privat.
//= $special ?>