Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista lbieraħ ivvutaw favur l-abort fil-Parlament Ewropew.
Li ma qalx il-Partit Laburista fl-istqarrija tiegħu tal-bieraħ kien li r-riżoluzzjoni msemmija u li kienet tikkonċerna s-Saltna tad-Dritt, kienet tinkludi riferenza li tobbliga lill-pajjiżi Ewropej idaħħlu l-abort, u tobbliga wkoll lill-Unjoni Ewropea ddaħħal l-abort bħala parti mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Apparti li l-abort imur kontra l-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista, il-PN huwa tal-fehma li l-abort għandu jkun kompetenza nazzjonali u li l-Unjoni Ewropea ma għandha qatt tobbliga lill-Istati Membri biex idaħħlu l-abort.
B’hekk, b’konsistenza mal-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa u l-MEP Nazzjonalista Peter Agius, ivvutaw kontra r-riżoluzzjoni finali. Min-naħa l-oħra l-MEPs Laburisti vvutaw favur.
Minkejja f’dan, il-Labour ipprova saħanistra jqarraq anke fuq vot ieħor li ttieħed fi Strasburgu dwar il-protezzjoni tal-minuri online. Fil-votazzjoni dwar dan, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista astjenew proprju minħabba li kien hemm klawsola fuq l-abort. Tal-Labour mhux talli vvutaw favur f’dan il-każ, imma vvutaw favur ukoll fuq ir-riżoluzzjoni finali biex l-abort isir dritt fundamentali Ewropew.
Id-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew tinsab sorpriża kif kuntrarju għal li seħħ fil-passat, il-membri tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew ivvutaw favur dan ir-rapport u b’hekk qed jaċċettaw li l-Unjoni Ewropea tobbliga lill-Istati Membri tal-UE, inkluż Malta, li jdaħħlu l-abort. Dan hu għalkollox inkonsistenti ma’ dak li jgħid il-Partit Laburista f’Malta.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ konsistenti fil-politika tiegħu dwar l-abort. Il-PN huwa kontra l-abort, il-kwistjoni tal-abort hija kompetenza ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea ma għandha qatt tobbliga lil Malta biex iddaħħal l-abort.
Huwa l-Partit Laburista li jgħid ħaġa f’Malta, imma jagħmel oħra fl-Ewropa.
//= $special ?>