Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali se tiddeċiedi ‘in camera’ dwar talba minn Daniel Muka għal smigħ xieraq

Il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, iddeċidiet li se tagħti d-deċiżjoni tagħha ‘in camera’ (mhux ‘in open court’) dwar kawża kostituzzjonali mressqa minn Daniel Muka, li qed isostni li ma ngħatax smigħ xieraq fil-ġuri li qed jaffaċċja.

Il-kawża nstemgħet nhar l-Erbgħa wara nofsinhar, fejn l-avukat Mario Mifsud sostna li l-iskop tiegħu huwa li jagħmel appell umli lir-Repubblika ta’ Malta sabiex Muka, li bħalissa qed jaffaċċja akkużi kriminali serji, jingħata d-dritt li jinstema’ kif xieraq, bħalma jixraq lil kull persuna – anke jekk barrani.

Dr Mifsud spjega li Muka kien qabbad avukat privat, iżda minħabba kwistjoni ta’ natura finanzjarja, kellu jirtira. Intant, ġiet appuntata l-avukat tal-għajnuna legali Dr Josette Sultana, iżda Muka ma aċċettax li jkun rappreżentat minn avukat tal-Istat.

Muka kien ikkuntattja lil Dr Mifsud nhar il-Ħamis 12 ta’ Ġunju sabiex jassumi l-patroċinju tal-każ tiegħu. L-avukat aċċetta l-inkarigu l-għada, il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju, minkejja li l-każ jinvolvi volum kbir ta’ dokumenti u xhieda. Dr Mifsud talab lill-qorti sabiex jingħata ftit iktar żmien biex ikun jista’ jipprepara difiża adegwata, iżda t-talba ġiet rifjutata u l-ġuri baqa’ għaddej.

Skont Mifsud, anke meta talab biex il-ġuri jiġi pospost biss għal ftit sigħat, il-qorti ċaħdet it-talba. Kien hawn li ddeċieda li jirrinunzja mill-patroċinju, filwaqt li tenna li Muka kien u għadu ċar li ma jridx ikun rappreżentat minn Dr Sultana. Dan sostnieh ukoll mal-kap tal-għajnuna legali, Dr Chris Bruno.

Dr Mifsud wissa li din is-sitwazzjoni qed tpoġġi lill-imputat f’pożizzjoni żvantaġġata u li d-difiża tiegħu hija “zoppa”. Sa issa, qal, l-avukata tal-Istat ma kellhiex ċans lanqas titkellem ma’ Muka u lanqas qed tagħmel kontra-eżamijiet. “Ir-Repubblika ta’ Malta tkun qed tonqos serjament jekk tippermetti li ġudizzju ta’ din l-importanza jiġi mtappan minn burokrazija,” insista l-avukat.

Żied jgħid li kawżi daqstant sensittivi jattiraw attenzjoni kbira u mhux faċli ssib avukat privat f’daqstant żmien qasir. Madankollu, qal li hu qiegħed joffri servizz lil Muka b’mod imparzjali u f’rispett tal-prinċipju li kull persuna hija prezunta innoċenti sakemm ma jinstabx il-kontra.

Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni sostniet li l-Qorti għandha teżamina ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u l-istorja tal-proċedimenti, inkluż dak li seħħ waqt il-kumpilazzjoni. Fakkret li snin ilu Muka kien ingħata l-avukat Dr Simon Micallef Stafrace bħala għajnuna legali, iżda anke f’dak il-każ Muka kien irrifjuta l-assistenza tiegħu.

Il-prosekuzzjoni argumentat li l-akkużat kellu snin biex isib avukat u li ma tagħmilx sens li sab wieħed privat biss erbat ijiem qabel ma beda l-ġuri. Il-Qorti se tagħti d-deċiżjoni tagħha wara li teżamina l-atti ‘in camera’.