Lokali

In-nies evakwati minn Paceville jitilgħu għal 100

L-ammont ta’ persuni li ġew evakwati minn Paceville fl-aħħar ġimgħa jirriżulta li issa telgħu għal 100 hekk kif bejn it-Tlieta filgħaxija u l-Erbgħa filgħodu kienu ġew evakwati aktar nies minn residenzi, uffiċini, u stabbilimenti. Dan filwaqt li anke spiżerija ġiet ordnata biex tinżamm magħluqa u ma tiftaħx.

Filmati miġbuda minn din il-Kamra tal-Aħbarijiet il-Ħamis filgħodu juru kif iz-zona ta’ madwar ‘Tania Flats’ baqgħet kompletament magħluqa; bit-terrapien tal-binja li ġġarrfet għadu ma tneħħiex.

Fit-triq kien hemm ukoll żewġ Uffiċjali tal-Pulizija preżenti li kienu qegħdin jgħassu z-zona.

It-toroq tal-madwar huma kollha magħluqa bit-tape tal-Pulizija u barriers sabiex ħadd ma jgħaddi minnhom minħabba l-periklu.

Il-każ ta’ Paceville ġibet kritika enormi mill-Kamra tal-Kummerċ u anke mill-Kamra tal-Ġeoloġi. Fejn fost l-oħrajn il-President tal-Kamra tal-Ġeoloġ, Peter Gatt, iddeskriva dan l-inċident bħala diżastru nazzjonali.

Dan filwaqt li fakkar li l-Ministru Jonathan Attard għadu ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet kollha li ħarġu mill-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti fejn appellat għal azzjoni immedjata f’din iz-zona ta’ Paceville għaliex preżentament qed jesperjenzaw ħsejjes esaġerati, xogħol ta’ skavar u konġestjoni tat-traffiku fl-istaġun li fih pajjiżna jara ammont kbir ta’ turisti. Dan apparti li grupp ta’ lukandiera esprimew il-frustrazzjoni b’rabta ma’ din is-sitwazzjoni – sitwazzjoni li setgħet faċilment waslet għal diżgrazzja kbira.