Sara. Kollox jindika li dan huwa l-isem taċ-ċkejkna li nstabet maqtula flimkien ma’ ommha f’Ruma; allegatament maqtula minn missierha stess.
B’Net News jitkellem mal-kittieb Taljan Federico Carro, li f’April li għadda – madwar xahrejn biss qabel l-omiċidju – kien iltaqa’ ma’ Francis Kaufmann; magħruf bl-identità falza ta’ Rexal Ford.
Carro saħaq li għamel konoxjenza miegħu permezz ta’ e-mail waqt li l-Amerikan ta’ 46 sena kien għadu ġej u sejjer bejn Malta, New Zealand, l-Iżlanda u Ruma.
L-awtur spjega li huwa ċċekkja l-profil ta’ Ford fuq is-sit online ta’ Imdb u minn hemm wasal biex iltaqgħu sabiex jaqleb kitba minn tiegħu f’film…li kienu qed iħejju biex Ford jipproduċi.
“Permezz ta’ e-mail irnexxieli nikkuntattja dan Rexal li deher entużjast b’dan il-proġett u b’hekk bdejna nċemplu lil xulxin u nikkomunikaw permezz ta’ e-mail u whatsapp. U filwaqt li hu kien qed jivvjaġġa bejn Malta, qalli wkoll New Zealand u l-Iżlanda, huwa wasal Ruma u għaldaqstant iddeċidejna li niltaqgħu fl-ewwel jiem ta’ April. Iltaqjna prattikament qrib il-Kolossew, fuq terrazzin ta’ lukanda biex nitkellmu flimkien dwar dan il-proġett. Kien hemm ukoll martu u bintu. Il-mara minnufih qgħadet mal-ġenb bit-tifla biex ma ttellifniex naħseb ejja ngħidu hekk. Madanakollu dehret bierda fuq il-proġett, vera ma dehritx li jinteressaha allura bdejna nitkellmu jien u Rexal.”
Mistoqsi x’kienet l-ewwel impressjoni tal-Amerikan u l-mara tiegħu, li s’issa l-identità tagħha għadha mhix magħrufa huwa saħaq li għalkemm ma dehritx interessata f’dak li kienu qed jiddiskutu… ma deher l-ebda sinjal ta’ xi tip ta’ vjolenza domestika jew abbuż.
“Kienu jidhru koppja trankwilla, hu kien liebes il-beritta, nuċċali tax-xemx, liebes xieraq, anke l-mara liebsa normali kienet, ma kienux jidhru traskurati. Anke minħabba l-fatt li kieku kont ninnota lit-tarbija li kienet traskurata kieku imma t-tifla per eżempju dehret kwieta, ħelwa, fis-sens, it-tarbija kienet trankwilla. Kienu qed jitkellmu ftit bejniethom ftit bierda ma’ xulxin imma mingħajr ebda sinjal ta’ vjolenza, mibgħeda bħal speċi. Imma fil-verità l-aktar li tkellimna jien u Rexal.”
Mistoqsi jekk il-mara introduċiet ruħha, Carro stqarr li nesa. Madanakollu jiftakar ċar li liċ-ċkejkna kien qed isejħilha Sara.
“Introduċiet ruħha madanakollu sinċerament ma niftakarx isimha, mill-banda l-oħra it-tifla jekk mhux sejjer żball preżentaħhieli bħala Sara. Niftakar sew għax fissidha u sejħilha Sara ż-Żgħira – fis-sens xi ġmiel ta’ tifla kellhom madanakollu sinċerament ma niftakarx x’jisimha l-mara.”
Intant l-investigaturi lokali għaddejin b’ħidma mal-Pulizija Taljana li talbu l-assistenza tagħhom b’rabta mal-omiċidju doppju ta’ din l-omm ….u tarbija ta’ madwar sena.
//= $special ?>