Il-ġwerra bejn Iżrael u l-Iran għalqet ġimgħa u meta l-konflitt qed jhedded li jeskala b’mod li jinvolvi anki lill-Istati Uniti, bħala alleata ewlenija tal-Iżraeljani….Sadanittant, l-uffiċjali f’Tel Aviv ikkundannaw l-isparatura ta’ missili mill-Iran lejn sptar fin-naħa t’isfel ta’ Iżrael u li spiċċa jġarrab il-ħsarat kbar….Attakk li qanqal il-kumment skjett li ‘Iżrael jeħtieġ li jelimina, bla tlaqliq, lill-Ayatollah Ali Khamenei, bħala l-Mexxej Suprem tal-Iran.’
It-theddida ħariġha l-Ministru Iżraeljan għad-Difiża, Israel Katz, ftit wara l-imsemmi attakk– u meta l-Iranjani qed jgħidu li l-qawwiet tagħhom, fil-fatt, kienu qed jimmiraw għal faċilità militari viċin l-isptar ta’ Soroka, fil-belt ta’ Beersheba.
Meta kellem lill-ġurnalisti f’Holon, qrib ta’ Tel Aviv, il-Ministru Katz enfasizza li l-Ayatollah Khamenei ilu jiddikjara bil-miftuħ li jrid jara l-qerda ta’ Iżrael’ – filwaqt li akkuża direttament lil Khamenei b’li ‘ħareġ personalment id-direttiva għall-attakk bil-missili fuq l-isptar’.
‘Il-qerda ta’ Iżrael jibqa’ l-iskop personali ta’ Khamenei u għaldaqstant ma nistgħux nippermettu li bniedem bħal dan ikompli jeżisti’, temm jgħid il-Ministru Katz.
Sadanittant, indarbu talanqas 90 b’kaġun ta’ mewġa ta’ missili li l-Iranjani sparaw lejn l-ibliet ta’ Iżrael – waqt li l-militar Iżraeljan kompla jattakka b’suċċess lill-aktar siti sensittivi tal-Iran….L-aħħar rapporti semmew anki l-attakki preċiżi tal-Iżraeljani fuq ir-reattur tal-ilma ta’ Arak li jintuża għall-ipproċessar tan-nukleari u fuq il-faċilità ta’ Natanz li jaqdi l-istess skop tar-reġim Iranjan.
Fl-aħħar sigħat, l-Iran ressaq ilment uffiċjali lill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) – bil-President Iranjan, Masoud Pezeshkian jipprova jinkoraġġixxi lill-poplu tiegħu bil-messaġġ li ‘l-Iranjani se jirnexxilhom ipoġġu dan iż-żmien diffiċli warajhom’.
Fl-istess ħin,. dan l-istadju tal-gwerra jista’ jitqies bħala kritiku minħabba li l-President Amerikan, Donald Trump, qed jikkunsidra li jibgħat il-qawwiet tal-ajru tiegħu biex jeqirdu l-faċilità ta’ Fordow, fl-Iran…Faċilità li tirraffina l-uranjum li kapaċi jintuża għall-iżvilupp tal-armi għall-qerda tal-massa.
Qed jingħad li Trump approva diġà l-pjani għal attakk mill-Istati Uniti fl-Iran, iżda hu għadu ma ħax deċiżjoni finali. Dan waqt li xi membri influwenti tal-Partit Repubblikan fil-Gvern qed iwissu biex Trump ma jintervjenix fil-gwerra – bl-Ayatollah Khamenei ikompli jwissi dwar ‘il-ħsara irreparabbli’ li tirriżulta minn xi azzjoni militari tal-Istati Uniti fuq pajjiżu.
Il-konflitt bejn Iżrael u l-Iran kien beda b’sensiela ta’ attakki bil-missili tal-Iżraeljani fuq Tehran u fejn intlaqtu diversi bażijiet militari u siti għall-iżvilupp tan-nukleari….Attakki preċiżi li anki eliminaw l-ogħla ġerarkija tat-tmexxija militari fl-Iran.
Intant, iż-żewġ Stati ilhom minn dakinar jisparaw il-missili u d-drones lejn xulxin…Dan waqt li l-gruppi li jħarsu d-drittijiet umani qed jaqblu li, f’ġimgħa waħda, inqatlu ‘il fuq minn 600 fl-artijiet tal-Iran li ġarrbu l-agħar impatt mill-azzjonijiet ta’ Iżrael.
Iżrael, intant, qal li, fl-aħħar ġimgħa, l-Iran spara madwar 500 missila ballistika u mijiet ta’ drones lejn l-artijiet tal-Iżraeljani u bil-konsegwenza li mietu 30, b’għexieren oħra jindarbu.
I
//= $special ?>