Il-Maġistrat Ann Marie Thake laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Jordan Azzopardi, magħruf bħala ‘El Chapo’, wara li dan tressaq il-Qorti f’Marzu li għadda b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ ħruq ta’ żewġ karozzi f’Marsaskala, kif ukoll akkużi serji relatati ma’ armi tan-nar, pussess ta’ droga, ħasil ta’ flus u reċidiva.
Azzopardi wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Waqt is-smigħ tat-talba għall-ħelsien mill-arrest, l-avukati difensuri Franco Debono u Charles Mercieca sostnew li ma kienx hemm bażi legali biex Azzopardi jibqa’ miżmum taħt arrest preventiv, u li l-klijent tagħhom kien qed jagħmel ħiltu biex isewwi ħajtu minn meta nqatgħet sentenza fil-passat.
Joanna Farrugia, uffiċjal tal-probation, xehedet li Azzopardi kien jattendi regolarment għall-appuntamenti tiegħu, kien jieħu l-pariri tagħha u wera rispett tul il-proċess kollu. Spjegat ukoll li filwaqt li kien pożittiv għall-kannabis, dan kien preskritt bħala mediċina, u li fl-2023 kien ukoll irriżulta pożittiv għall-kokaina.
Missier l-akkużat xehed ukoll, u qal li ibnu jista’ jgħix miegħu fis-Swieqi u jkompli jaħdem miegħu, waqt li offra ruħu bħala garanti. Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-avukati Joseph Camilleri Azarov u Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-AĠ. flimkien mal-Ispettur Shaun Pawney, opponiet il-ħelsien mill-arrest, billi qalet li Azzopardi għandu storja kriminali simili u ma jistax jitqies persuna affidabbli. Żiedu jgħidu li l-passat tiegħu waħdu kien biżżejjed biex jinżamm taħt arrest.
Il-Qorti iżda laqgħet it-talba u għamlet il-ħelsien mill-arrest dipendenti fuq diversi kundizzjonijiet, li jinkludu: €10,000 bħala depożitu, €40,000 garanzija personali, jgħix ma’ missieru fis-Swieqi u jiffirma darbtejn kuljum fil-għassa tal-pulizija Il-każ kontra Azzopardi se jkompli jinstema’ fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>