Jiem biss wara li waqt konferenza l-Prim Ministru tenna l-impenn tal-Gvern favur eċċellenza fis-settur tas-saħħa, ir-riċerka u l-edukazzjoni medika, il-media żvelat kif l-iskola medika li l-Gvern Laburista kien ħabbar fl-2019 issa saret l-aħħar vittma ta’ dan il-Gvern. Sorsi fi ħdan il-Ministeru fil-fatt ikkonfermaw mal-media li l-Gvern abbanduna kull ħsieb li jibni din l-iskola.
Fi stqarrija Adrian Delia ix-Shadow Minister għas-Saħħa u Ian Vassallo ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali sostnew li l-kaos fil-qasam tas-saħħa hu riżultat dirett ta’ Gvern bla direzzjoni u din l-aħbar tkompli tikxef kif il-Gvern Laburista la għandu l-viżjoni, la s-serjetà u lanqas l-abbiltà li jmexxi sistema tas-saħħa li tkun tassew isservi liċ-ċittadini.
Din l-iskola medika tingħaqad ma’ lista dejjem titwal ta’ proġetti li ħabbar il-Gvern fil-qasam tas-saħħa u li llum jew jinsabu weqfin jew intremew kompletament: l-isptar ġdid għal Għawdex, l-istpar ġdid tas-Saħħa Mentali, id-dipartiment il-ġdid tal-Emerġenza, iċ-Ċentru tas-Saħħa għat-Tramuntana, id-dipartiment ġdid tal-Outpatients, ir-refurbishment tal-Isptar Karen Grech u l-Mother and Baby Hospital.
Hu evidenti li l-Gvern ilu li rema s-saħħa tal-Maltin. Kieku ma kienx jarmi l-pjan għal skola medika li kellha tkun strumentali biex l-edukazzjoni medika f’pajjiżna tagħmel pass ’il quddiem. Gvern li ma jinvestix fl-edukazzjoni medika mhux veru jrid pajjiż li jeċċella fis-saħħa.
Illum nafu fiċ-ċert li fejn tidħol is-saħħa, fl-aħħar snin dan il-Gvern kellu biss kliem fieragħ u lista sħiħa ta’ wegħdi u proġetti li ma wettaqx.
Il-poplu ta’ kuljum qed imiss mar-realtajiet fis-servizz tas-saħħa: kjuwijiet twal, wards imballati bin-nies, waiting lists, mediċini out of stock, bereġ tas-saħħa magħluqin jew ikkundannati, ċentru tas-saħħa li ġie inawgurat 13-il xahar ilu u għadu magħluq, u ħafna oħrajn. Dan is-servizz qed inħallsu għalih mit-taxxi tagħna, u l-Gvern flok jinvesti fih, bi flusna jagħmel fattih.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’sistema tas-saħħa li tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru, b’investiment li jseħħ verament u mhux biss għall-konferenzi tal-aħbarijiet. Jemmen f’appoġġ sħiħ lill-professjonisti, u jemmen li bi pjan konkret is-servizz tas-saħħa jista’ jkun is-servizz li jixraqlu kull Malti u Għawdxi.
Filwaqt li l-Gvern jibqa’ ffukat biss fuq il-propaganda għall-cameras, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jħoss il-polz tan-nies u jibqa’ l-leħen ta’ dawk li jixtiequ servizz tas-saħħa b’dinjità u mhux wieħed li qiegħed f’kaos.
//= $special ?>