Mario Attard, raġel ta’ 40 sena u li huwa kaptan, ma nstabx ħati mill-Qorti fuq akkużi li allegatament laqat għaddas bl-iskrun tad-dgħajsa tiegħu waqt li kien dieħel fil-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna, fit-22 ta’ Mejju 2024.
Attard kien mixli li b’nuqqas ta’ ħila jew bi traskuraġni kkaġuna ġrieħi ħfief lill-għaddas, iżda l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, ħelsitu mill-akkużi wara li ma nstabux biżżejjed provi li jorbtu direttament l-inċident miegħu.
Il-każ beda minn rapport ta’ għaddas li sostna li ntlaqat mid-dgħajsa “Jean de Lourde”, li baqgħet sejra minn fuq il-post. Il-Pulizija bagħtet għall-kaptan tad-dgħajsa, Attard, li qal li meta daħal fil-bajja ra dgħajsa oħra wieqfa, iżda ma kien hemm ebda sinjal viżibbli li jindika li kien hemm għaddasa fl-ilma, kif normalment jintwera b’baga speċjali.
Attard qal ukoll li deher għaddas jgħajjat għall-ajjut, u għalhekk huwa waqqaf id-dgħajsa u baqa’ fuq il-post. Ra wkoll lill-għaddas jgħum lejn id-dgħajsa l-oħra, u saħaq li deher li ma kienx weġġa’.
Minkejja dan, il-Qorti ma qisitx l-istqarrija tal-kaptan minħabba li r-rifjut tiegħu għall-għajnuna legali ma sarx fil-preżenza ta’ żewġ xhieda, kif meħtieġ mil-liġi. Barra minn hekk, il-Qorti innutat diversi nuqqasijiet fil-provi tal-prosekuzzjoni, fosthom li l-għaddas ma identifikax lil Attard bħala l-kaptan responsabbli. Ma kienx ċar jekk l-għaddas intlaqatx propju minn din id-dgħajsa. L-għaddas kien qed jgħum f’zona frekwentata minn dgħajjes iżda ma kellux baga li tiddikjara l-preżenza tiegħu fl-ilma.
Jiriżulta wkoll li r-rapport mediku sar l-għada tal-allegat inċident, jiġifieri fl-23 ta’ Mejju, u dan qajjem dubji dwar il-kawża diretta tal-ġrieħi.
Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Qorti ma sabitx provi biżżejjed biex tikkundanna lil Attard u għalhekk ħelsitu mill-akkużi kollha.
//= $special ?>