Futbol Sport

Konferma minn Real Madrid li Kylian Mbappe jinsab rikoverat l-isptar

Kylian Mbappe
Kylian Mbappe

Il-klabb ta’ Real Madrid, ikkonferma li l-attakkant Franċiż, Kylian Mbappe jinsab l-isptar b’gastroenterite. Mbappe ma kienx parti mil-iskwadra ta’ Xabi Alonso, li l-bieraħ l-Erbgħa, lagħbet kontra Al-Hilal, fid-debutt tal-Ispanjoli fit-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs li bħalissa qed tintlagħab fl-Istati Uniti.

Il-captain tat-tim nazzjonali Franċiz, tilef it-taħriġ ta’ lejlet il-partita, minħabba li kellu d-deni, b’konsegwenza li Mbappe kellu jkun eskluż mit-tim magħżul mill-kowċ, għall-partita li eventwalment intemmet fi draw ta’ 1-1 kontra l-iskwadra mill-Arabja Sawdija.

Stqarrija maħruġa mil-Madrileni llum, qalet li Mbappe għandu “każ akut ta’ gastroenterite” u ddaħħal l-isptar għal “serje ta’ testijiet”.

Il-gastroenterite hija infezzjoni fl-imsaren li tista’ tikkawża rimettar u dijarea.

Għadu mhux magħruf jekk l-istilla Franċiża huwiex se jkun disponibbli biex jilgħab fit-tieni logħba tal-grupp li jmisshom Real Madrid f’din il-kompetizzjoni, u li hija skedata għal nhar il-Ħadd li ġej kontra l-klabb Messikan ta’ Pachuca.

Mbappe skorja 43 gowl f’56 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha li lagħbu Real Madrid fl-ewwel staġun tiegħu wara li ngħaqad magħhom b’trasferiment b’xejn minn Paris St-Germain.